Futbol Sport

Rebħiet għat-timijiet ta’ Milan, Napoli megħluba minn Spezia

(Ritratt: EPA)

Inter saħħew posthom fil-quċċata tal-klassifika meta għelbu lil Torino 1-0. Fit-30 minuta Inter marru fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Edin Dzeko kien DENZEL DUMFRIES li għeleb lil Vanja Milinkovic Savic għal 1 – 0 . Riżultat li biħ intemmet il-partita b’Inter aktar minn qabel leaders tas-Serie A.

Milan żammew il-pass ma’ Inter meta barra minn darhom għelbu lil Empoli 4-2. Wara biss 12 il-minuta, Milan fil-vantaġġ. Minn pass ta’ Olivier Giroud kien FRANCK KESSIE li għeleb lil Guglielmo Vicario . Reazzjoni immedjata minn Empoli li fit-18 il-minuta kisbu l-gowl tad-draw permezz ta’ NEDIM BAJRAMI li għeleb lil Mike Maignan. Fit-42 minuta Milan mill-ġdid fil-vantaġġ u mill-ġdid permezz ta’ KESSIE minn azzjoni ta’ Alexis Saelemaekers. Milan komplew jiddominaw u fit-63 minuta kien ALESSANDRO FLORENZI li għeleb lil Vicario għat 3 – 1. Sitt minuti wara kien THEO HERNANDEZ li għamel l-iskor 4 – 1 . Bil-partita deċiza fl-84 minuta Empoli naqqsu l-iskor minn penalty permezz ta’ ANDREA PINAMONTI.

Napoli minn naħa l-oħra komplew iħossu n-nuqqas ta’ xi player importanti wara li tilfu bl-iskor ta’ 1-0 kontra Spezia. L-aktar riżultat sorpriża fid-19 il-ġurnata tal-Kampjonat. Telfa għal Napoli li tappnet bil-bosta r-rebħa li kisbu kontra Milan ġranet ilu. Kontra x-xejra tal-logħob kienu Spezia li marru fil-vantaġġ b’auto-goal. Fis-37 minuta minn freekick ta’ Simone Bastoni, kien JUAN JESUS li għeleb David Ospina. Gowl li ddeċieda l-partita u fl-istess waqt nifs għal Spezia fit-taqtiegħa biex iżommu posthom fis-Serie A.

Roma kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Sampdoria. 0 – 0 sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-72 minuta kien ELDOR SHOMU RODOV li għeleb lil Wladimiro Falcone b’Roma fil-vantaġġ. Tmien minuti wara iżda l-iskor sar 1 – 1 b’MANOLO GABBIADINI jgħeleb lil Rui Patricio.

Bl-istess riżultat ntemmet il-partita bejn Verona u Fiorentina. Wara biss 17 il-minuta Verona fetħu l-iskor. Minn pass ta’ Gianluca Caprari kien KEVIN LASAGNA lil Pietro Torrecciano għal 1 – 0 . Riżultat li biħ intemmet wkoll l-ewwel taqsima. Fit-tieni taqsima bi Fiorentina aktar fil-partita fil-81 minuta minn azzjoni ta’ Aleksa Terzic kien GAETANO CASTROVILLI li għeleb lil Lorenzo Montipo għall- 1 – 1.

Lazio kisbu rebħa komda ta’ 3-1 fuq Venezia. Wara biss tlett minuti Lazio fil-vantaġġ. Minn azzjoni ta’ Pedro Rodriguez kien ADAM MARISIC li għeleb lil Sergio Romero. Fit-30 minuta Venezia għamlu l-iskor 1 – 1 meta minn azzjoni ta’ Mattia Aramu kien FRANCESCO FORTE li għeleb lil; Thomas Strakosha. Fit-48 minuta Lazio mill-ġdid fil-vantaġġ permezz ta’ FRANCESCO ACERBI minn azzjoni ta’ Danilo Cataldi. Fit-92 minuta tkeċċa Tanner Tessmann għal Venezia b’LUIS ALBERTO tlett minuti wara jkabbar l-iskor għal Lazio 3 – 1.

Bologna komplew isaħħu posthom f’nofs il-klassifika b’rebħa ta’ 3-0 fuq Sassuolo. Fis-36 minuta kien RICCARDO ORSOLINI li minn azzjoni ta’ Nicolas Dominguez għeleb lil Gianluca Pegolo biex poġġa lil Bologna fil-vantaġġ. Fl-44 minita Bologna meritatament irduppjaw. Pass ta’ Andreas Skov Olsen lejn AARON HICKEY li mill-ġdid għeleb lil Pegolo. Fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud kien FEDERICO SANTANDER li skorja t-tielet gowl għal Bologna minn azzjoni ta’ Emanuel Vignato.