Hekk kif il-pandemija qed terġa’ tgħolli rasha, irridu nistaqsu “Robert Abela se jkun qed jieħu l-aħjar deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza, jew se jkun qed jerġa’ jikkrolla għall-pressjoni hekk kif qed iħabbat wiċċu ma’ skandli li qed iżarmawlu l-Kabinett u l-Grupp Parlamentari?”
Hekk staqsa l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’post li għamel fuq Facebook fl-aħħar ħin.
Grech staqsa wkoll jekk Chris Fearne huwiex kapaċi jmexxi s-settur tas-saħħa, jew jekk tilifx il-kredibbiltà mal-ħaddiema tas-saħħa wara li żammilhom il-paga baxxa, waqt li vvota biex jagħti iżjed miljuni lil Steward għal ftehim korrott.
Staqsa jekk Silvio Schembri jistax jittieħed bis-serjetà min-negozji, jew se jwaħħlu fih talli poġġa l-Milied tagħhom f’riskju meta ta eżempju ħażin hu stess b’attività elettorali li tikser ir-regoli tas-saħħa bl-aktar mod irresponsabbli.
Staqsa jekk Caruana hux se jkun kapaċi jwieżen lin-negozji li qed ibatu, jew jekk spiċċax bla flus għax ħalla l-Ministri jonfqu €1 biljun iżjed minn kemm kien ippjanat, bil-maġġoranza jmorru f’nefqiet fuq kuntratti korrotti u f’direct orders fil-ħela?.
Staqsa jekk Justyne Caruana u Frank Fabri hux se jsibu l-ħin jippjanaw għall-ftuħ tal-iskejjel b’mod sigur, jew hux se jkunu moħħhom biex jgħattu għemilhom, u jiġġieldu biex iżommu posthom filwaqt li jippruvaw jevitaw l-investigazzjonijiet tal-Pulizija?
Bernard Grech qal li llum iżjed minn qatt qabel, Malta għandha bżonn Kabinett b’Ministri li jistgħu jiffukaw fuq l-isfidi li qed niffaċċjaw. Irridu nies onesti li jieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq informazzjoni trasparenti. Mhux nies moħħhom biex jgħattu, jew medhijin fil-propaganda.Malta ħaqqha aħjar.
//= $special ?>