Internazzjonali

Covid-19: Spanja tordna l-ilbies tal-maskri barra d-dar…L-ebda regoli ġodda fl-Ingilterra qabel il-Milied

Għalkemm ( skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) is-sogru ta’ infezzjoni mill-varjant ġdid tal-Covid hu ħafna anqas fuq barra milli fuq ġewwa, Spanja, issa, żdiedet mal-lista ta’ pajjiżi fejn in-nies huma ordnati biex jilbsu l-maskra ‘kull meta jirfsu mill-għatba tad-dar ‘il barra’.

Dan kien ikkonfermat mill-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sanchez skont pjan ġdid ta’ emerġenza għal kontra l-firxa tal-Covid u l-varjant Afrikan Omicron, bil-pajjiż qed jagħmel il-kalkuli allarmanti tal-infezzjonijiet ġodda fir-reġjuni tiegħu.

Spanja, nhar it-Tlieta, irrappurtat rekord ta’ 49,823 każi ġodda, fost indikazzjonijiet li nofs l-infezzjonijiet huma dovuti għall-Omicron.

Sadanittant, Pedro Sanchez informa lill-mexxejja reġjonali li l-miżura tal-maskri se titressaq lill-Ministri f’Madrid u mistenni li l-infurzar tar-regoli jidħol fis-seħħ bħala liġi qabel il-Milied.

Dan ukoll meta l-WHO qed jinsisti għall-ilbies tal-maskri ‘għal kulħadd’ – u bħala miżura preventiva — fil-postijiet iffullati.

Fl-Ingilterra ħarġet il-konferma li li ma kienu se jiddaħħlu l-ebda regoli ġodda għall-Covid qabel Jum il-Milied (għada) – bil-konferma tingħata mis-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Sajid Javid,

Fl-istess ħin, Javid awgura li ‘in-nies igawdu l-Milied fil-kumpanija ta’ familthom u biex huma jibqgħu kawti fiċ-ċirkustanzi’.”

Intant is-Segretarju Britanniku qal li hu sodisfatt mill-istudji li jindikaw li l-varjant Omicron jista’ ikun anqas b’saħħtu mill-varjant Delta tal-Covid li ilu x-xhur il-varjant dominanti madwar id-dinja.

Madankollu Sajid Javid irrepeta n-neċessità għall-kawtela ‘minħabba l-possibbiltà li numru sinifikanti ta’ pazjenti morda bl-Omicron ikollhom jiddaħħlu l-isptar – fost l-impatt inkwetanti għas-servizzi tas-saħħa u l-isptarijiet tal-pajjiż.

Rapporti oħra mir-Renju Unit, fl-istess ħin, qalu li l-awtoritajiet fl-Iskozja ssikkaw aktar ir-restrizzjonijiet kontra l-Covid fost konferma li n-nightclubs fil-pajjiż iridu jagħlqu għal tliet ġimgħat mis-27 ta’ Diċembru.

Fl-Istati Uniti, il-President Amerikan, Joe Biden, ċaħad li l-amministrazzjoni tiegħu ‘wettqet żbalji notevoli’ fil-mod kif wieġbet għall-firxa tal-varjant Omicron fil-pajjiż.

Biden, waqt intervista lil network televiżiv, qal li ħadd ma seta’ ibassar l-aħħar żviluppi tal-Covid – u minkejja li  Anthony Fauci, il-konsulent ewlieni Amerikan dwar is-saħħa, qed jinsisti li ‘l-esperti fil-qasam mediku kienu qed ibassru l-inċidenza tal-varjanti ġodda tal-virus’.

Il-jiem ta’ qabel il-Milied ġabu spinta kbira fl-ammont ta’ Amerikani li qed jagħmlu s-swabs li jiddeterminaw jekk jistgħux huma infettati bil-Covid jew le.

Nhar l-Erbgħa, il-belt ta’ New York irreġistrat kważi 29,000 każ ġdid tal-Covid li hu rekord għal jum wieħed (f’din il-belt) kemm ilha għaddejja l-pandemija. Din iċ-ċifra timmarka anki qabża ta’ 30 fil-mija fuq ir-rekord ta’ każi preċedenti li twaqqaf aktar kmieni din il-ġimgħa.