Lokali

“Justyne Caruana trid tattakka liġi li fasslet hi stess; kienet sejħitilha ‘monument għall-Gvern” – Repubblika

Jgħidu lill-eks MInistru tal-Edukazzjoni biex ma tistmax lill-poplu ta' 'imbeċilli'

“Justyne Caruana għandha ssegwi l-parir tal-President u ma titrattax il-poplu Malti ta’ imbeċilli”

B’dan il-kliem tiftaħ stqarrija tal-għaqda Repubblika li tispjega kif issa l-eks Ministru t’Għawdex u eks Ministru tal-Edukazzjoni qed tgħid li se tmur il-Qorti għax il-liġi dwar l-istandards tikser id-drittijiet kostituzzjonali tagħha. Caruana filfatt ħabbret dan fl-istess post fuq Facebook fejn ħabbret ir-riżenja tagħha biex issa se tkun qed tikkontesta dak li kiteb dwarha l-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler.

Repubblika fakkret kif Justyne Caruana hija l-istess persuna li fil-11 ta’ Lulju tal-2016 fil-Parlament waqt t-tieni qari ta’ din il-liġi kienet sejħitlha “monument għall-Gvern”.

Repubblika fakkret kif Caruana, li issa qed tgħid li nksirulha d-drittijiet tagħha permezz ta’ din il-liġi, dakinhar stqarret, bħala waħda minn dawk li ħadmu fuq il-liġi li “fl-abbozzar qgħadna attenti ħafna li jiġu osservati l-prinċipji tal-ġustizzja naturali, li huma prinċipji bażiċi u fundamentali ta’ kull proċedura ġudizzjarja jew kważi ġudizzjarja. Qgħadna attenti ħafna għar-role of equity li qed jiġi meqjus skrupolożament biex naċċertaw li l-proċeduri li qed nistabbilixxu ma jkunu jippekkaw bl-ebda mod u ma jiġux preġudikati jew elużi d-drittijiet ta’ kull parti potenzjali f’dawn il-proċeduri”.

L-istqarrija tkomplii tgħid li fil-11 ta’ Lulju 2016 fil-Parlament Justyne Caruana ftaħret li kienet waħda minn grupp żgħir li ħadmu fuq l-abbozz tal-liġi u qalet li fit-tfassil ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi kienu ħaddmu standards għoljin ta’ prinċipji demokratiċi u taw l-għodod ta’ checks and balances li jagħmlu unur lill-Parlament.

B’din l-istess liġi li issa trid tiġġieled, hija kienet ftaħrret li l-Kummissarju, kien se jkollu poteri sħaħ u b’saħħithom biex jinvestiga l-allegazzjonijiet li jsirulu.

REpubblika kompliet tgħid li jidher li issa, Justyne Caruana daret kontra l-liġi li abbozzat u vvutat favuriha hija stess.

Il-ftaħir tagħha dakinhar li “aħna konna kuraġġjużi billi mill-bidu nett ta’ din il-leġiżlatura tajna avviż ċar lilna nfusna bħala Gvern li għandna nkunu responsabbli u integri f’dak li nagħmlu” ma kien xejn ħlief paroli vojt.

“Il-paroli huwa l-eħfef ħaġa” kompliet l-istqarrija filwaqt li appellaw lill-Eks Ministru biex meta tkun f’ħofra tieqaf tħaffer.