L-Awtoritajiet tas-Saħħa kkonfermaw li l-varjant tal-Omicron daħal f’pajjiżna. Dan kien konfermat fis-sigħat li għaddew hekk kif kien aċċertat li f’Malta hawn minn tal-inqas żewġ każijiet ta’ dan il-varjant u li kienu reġistrati minn testijiet li saru matul il-lejl li għadda. Mhux eskluż li hawn ħafna iktar każi tal-Omicron f’pajjiżna.
Din l-informazzjoni ħarġet waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci u l-Virologu Chris Barbara.
Il-każi ta’ persuni bil-COVID-19 fl-Isptar Mater Dei telgħu minn 47 għal 53. Dan filwaqt li bħalissa hemm tliet persuni fit-taqsima ta’ kura intensiva li qed jaffaċjaw kumplikazzjonijiet bil-virus.
Mit-Tnejn li ġej, ir-reġistrazzjoni għat-teħid tal-booster se tiftaħ għal persuni ta’ ‘il fuq minn 18-il sena li jistgħu jirreġistraw għall-booster mis-sit vaċċin.gov.mt.
Fil-jiem li ġejjin iċ-ċertifikat tat-tilqim, mis-17 ta’ Jannar se jkun validu għal tliet xhur mit-tieni doża u jibqa’ validu biss għal 9 xhur oħra jekk tkun ħadt il-booster. Jekk ma tieħux il-booster iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma jibqax jgħodd.
Mis-17 ta’ Jannar, bars, restaurants, gyms, spas, casinos, snack bars, pools, clubs, cinemas, teatri, attivitajiet sportivi u kwalunkwe attività oħra se jkunu aċċessibli biss għal min għandu ċertifikat tal-vaċċin. Dan jeskludi tfal ta’ taħt it-12-il sena li mhux se jilħaq ikollhom iċ-ċertifikat.
Mit-Tnejn li gej, events kollha li sal-lum qed ikunu organizzati jistgħu isiru iżda fil-format ta’ seated biss. Standing events mhux se jkunu permessi. It-tiġijiet u l-funerali se jibqgħu bil-protokalli tal-lum, iżda kwalunkwe event oħra tista’ ssir jekk kulħadd ikun bilqegħda.
L-istabillimenti kollha issa, jridu jagħlqu sas-1am. Din il-miżura tidħol fis-seħħ mit-Tnejn li ġej u tibqa’ valida sas-17 ta’ Jannar.
Attivitajiet sportivi jistgħu jsiru iżda mingħajr attendenza tal-pubbliku.
Is-sigħat tal-viżitaturi f’Mater Dei ser jonqsu iżda fid-djar tal-anzjani mhu se jinbidel xejn.
Tfal ta’ bejn 5 u 11-il sena, għandhom jirċievu stedina għall-ewwel tilqima waqt il-vaganzi tal-Milied.
//= $special ?>