Basketball Sport

L-ewwel rebħa għal Bupa Luxol

Colin Schembri

Depiro 82

Gżira Athleta 76

(11-14)(29-26)(20-12)(22-24)

Depiro pattew għad-diżappunt tan-Knock out meta kisbu rebħa ferm importanti fil-kampjonat kontra Gżira Athleta 82-76 biex issa l-ġlieda għall-post fil-play-offs kompliet tiħrax. Depiro kienu mmexxija maġistralment mill-Amerikan TJ Atwood li kiseb 44 punt mit-82 finali tagħhom għalkemm kien hemm ukoll kontribut siewi minn Miguel Brincat u Alex Oriakhi b’dan tal-aħħar ikollhu l-aħħar dehra tiegħu f’pajjiżna. Wara li Depiro fetħu l-partita bl-ewwel trippla minn Atwood, Athleta rrispondew bi 8 punti mingħajr risposta kollha minn players differenti. Depiro għamlu l-iskor indaqs wara punti minn Sean Galea u Atwood però Athleta kellhom żewġ trippli minn Shaun Montague biex temmew l-ewwel sessjoni fuq quddiem 14-11. Athleta komplew tajjeb fil-ftuħ tat-tieni taqsima meta meta għamlu run ta’ 12-2 li bdewha bi trippla ta’ Luca Stefanovic flimkien ma’ Zachary Hudson. Depiro rkupraw u wara li Brincat għamel trippla, waslu sensiela ta’ punti minn Oriakhi u Atwood biex naqqsu d-distakk 25-29. Kien hemm trippla fuq kull naħa minn Brincat u Billy Zammit qabel ma Atwood reġa’ poġġa lil Depiro fuq quddiem. Sal-intervall kien hemm punti fuq kull naħa b’Nathan Xuereb jagħmel trippla għall-Athleta però Atwood kompla għaddej bil-punti biex it-taqsima għalqet fuq parita ta’ 40 punt kull team.

Fit-tielet sessjoni Atwood fetaħ b’żewġ baskets oħra bl-Athleta jwieġbu permezz ta’ Montague u Stefanovic biex marru fuq quddiem 47-44. Brincat wieġeb bi trippla oħra għal Depiro biż-żewġ timijiet jerġgħu f’parita ta’ 51-51. Hawn Depiro kellhom break qasir ta’ 9-1 bir-raba’ three pointer ta’ Brincat u l-punti ta’ Atwood u Oriakhi biex temmew is-sessjoni 60-52 minn fuq. Fil-ftuħ tal-aħħar taqsima kien hemm baskets fuq kull naħa biex Depiro żammew vantaġġ ta’ 9 punti 65-56. Athleta ma ċedewx u kienu huma li għamlu run oħra ta’ 10-2 b’żewġ trippli minn Hudson u Montague biex waslu sa’ punt ‘l bogħod 66-67. Il-partita laħqet il-qofol tagħha fl-aħħar ħinijiet fejn iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin u trippla ta’ Xuereb poġġiet lill-Athleta minn fuq 76-75. Atwood kiseb ħames punti konsekuttivi għal Depiro u Athleta ma setgħux jirkupraw minkejja li ppruvaw iwaqqfu l-arloġġ hekk kif Nicholas Grech u Oriakhi għalqu l-partita minn fuq il-free-throw line favur Depiro li ħarġu rebbieħa 82-76.

Depiro: S. Galea 2, B. Nel, A. Attard, N. Grech 1, S. Vella, TJ Atwood 44, M. Brincat 16, M. Mallia, A. Oriakhi 19, M. Debattista, L. Vella, T. Reese 5.

Gżira Athleta: Z. Hudson 24, S. Montague 20, F. Mifsud Bonnici, L. Stefanovic 10, N. Xuereb 15, S. Vincic 4, R. Abela, J. Caruana, S. Mangianello, B. Zammit 3.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Vladimir Nikolic

Hibernians 80

Starlites Naxxar 83

(25-16)(19-22)(13-17)(23-28)

Starlites reġgħhu kisbu l-ewwel post tal-klassifika waħedhom wara li għelbu lil Hibernians fit-tieni partita tal-ġurnata 83-80 f’partita oħra kumbattuta bejn dawn iż-żewġ rivali għal dan l-istaġun biex pattew ukoll għat-telfa ta’ ġimgħa ilhu li eleminathom minn-Knock out. Starlites baqgħu jemmnu fir-rebħa minkejja li sabu ruħhom minn taħt sa’ minn kmieni fil-partita. Fil-fatt, Hibs ħadu l-ewwel vantaġġ fil-partita, 11-2 wara trippli minn Keith Dimech u Christian Soderholm flimkien ma’ David Bugeja. Starlites wieġbu bil-punti ta’ Jacob Bates u Myles Thomas qabel ma Soderholm u Mason Vires għamlu 8 punti oħra mingħajr risposta għall-Pawlisti. Sa’ tmiem is-sessjoni l-punti komplew ġejjin fuq iż-żewġ naħat bi Starlites  jagħlqu bi trippla ta’ Jamiah Haynes għal skor ta’ 25-16. Fit-tieni perjodu, Starlites kellhom il-punti ta’ Mattew Scerri fosthom trippla biex naqqsu d-distakk però pronta kienet ir-risposta tal-Hibs ukoll bi trippla minn Keith Dimech għal skor ta’ 32-20. Scerri għamel trippla oħra għal Starlites però run ta’ 10-4 minn Hibs rathom jiftħu vantaġġ ta’ 13 -il punt 44-31. Qabel intemm il-perjodu kien hemm mument tajjeb minn Starlites speċjalment minn Haynes meta għamlu seba’ punti mingħajr risposta għal skor ta’ 44-38.

Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Hibs baqgħu 5 minn fuq 48-43. Vires għamel 4 punti mingħajr risposta però hawn Starlites għamlu run ta’ 10-2 bil-punti ta’ Alex Felice Pace u Bates biex sa’ tmiem is-sessjoni d-distakk niżel għal basket wieħed 57-55. Starlites marru fuq quddiem għall-ewwel darba fil-ftuħ tal-aħħar sessjoni wara trippla minn Ian Felice Pace u baskets ta’ Haynes. Hibs ġew lura bis-saħħa meta kellhom run ta’ 14-2 li rathom jerġgħu jiftħu vantaġġ ta’ 8 punti 73-65. Però Starlites, bil-kuraġġ tal-partitarji preżenti reġgħu irkupraw u sensiela ta’ punti minn Thomas u trippli ta’ Scerri reġgħu ippareġjaw il-partita fuq it-78 punt bi ftit ħin għal tmiem il-partita hekk kif Hibs tilfu lil Bugeja bil-ħames foul.  Basket ta’ Ivan Demcesen poġġa lil Hibs minn fuq però dan kien l-aħħar wieħed għalijhom għax wara li Bates poġġa lil Starlites fuq quddiem, Hibs m’għarfux jiskurjaw mill-aħħar pussess biex kienu Starlites li ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 83-80.

Hibs: M. Vires 31, N. Cassar, L. Farrugia 4, K. Dimech 17, A. Axiaq 3, R. Aquilina, M. Attard 13, C. Soderholm 27, I. Demcesen 5.

Starlites: A. Felice Pace 14, I. Azzopardi 3, A. Azzopardi 7, I. Felice Pace 2, M. Fabri 5, L. Riolo, J. Bates 8, L. Farrugia 5, J. Haynes 18, M. Thomas 17.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu

Mellieħa Libertas 79

Bupa Luxol 82

(23-20)(14-22)(21-23)(21-17)

Bupa Luxol ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Mellieħa Libertas Spalding 82-79. Luxol kienu ilhom juru logħob organizzat però kienu jbatu f’waqtiet tal-partita u kienu jispiċċaw telliefa. Immexxija minn Ruben Dalli fin-nuqqas tal-coach Duncan Fenech, Luxol kellhom il-wirja eċċezzjonali tal-Amerikan Cannan Coffey li spiċċa l-partita b’41 punt u r-ritorn importanti ta’ Stefan Cappello li patta fost l-oħrajn għan-nuqqas ta’ Marco Matijevic li kien nieqes flimkien ma’ Juan Cefai u Kain Gauchi. Mellieħa bdew bl-ewwel ħames punti tal-partita u komplew biex ħadu vantaġġ ta’ 12-7 wara trippla minn Austin Wrighten. Luxol wieġbu permezz ta’ Coffey u Naz Buhagiar però Mellieħa baqgħu fuq quddiem hekk kif kellhom il-punti ta’ Nikola Vasovic fosthom trippla u Vukassin Jandric. Huma temmew l-ewwel sessjoni 3 minn fuq 23-20 però Luxol malajr qalbu l-iskor fil-ftuħ tat-tieni waħda wara punti minn Cappello u Coffey. Luxol komplew bi break ta’ 15-5 hekk kif kellhom sensiela ta’ trippli minn Jean Paul Schembri u Paul Attard biex sal-mistrieħ irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ 5 puntu 42-37.  

Fit-tielet sessjoni, Mellieħa ħarġu aħjar hekk kif bdew b’run ta’ 13-2 bi trippla ta’ CJ Cordina b’Dalli kostrett jagħjjat it-time-out hekk kif Luxol sabu ruħhom sitta minn taħt 50-44. Huma rkupraw u għamlu disa’ punti kważi kollha minn Coffey u wara risposta ta’ Cordina għal Mellieħa, Schembri u Coffey għamlu sitt punti  oħra biex it-taqsima għalqet bil-vjola fuq quddiem 65-58. Ir-raba’ taqsima kompliet tkun missielta speċjalment wara li ż-żewġ timijiet kellhom it-three pointers tagħhom iżda Luxol dejjem irnexxielhom iżommu vantaġġ fuq l-avversarji. Trippla ta’ Wrighten ressqet lil Mellieħa punt ‘l bogħod 77-78 però Coffey kien perfett minn fuq il-free-throw line biex żamm lil Luxol fuq quddiem sal-aħħar u huma ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat fuq skor finali ta’ 82-79.

Mellieħa Libertas: M. Falzon, V. Jandric 13, N. Vasovic 15, I. Bonett 4, N. Bukva 17, J. Joyner 6, CJ Cordina 10, N. Sultana, A. Wrighten 14.

Luxol: N. Buhagiar 5, P. Attard 3, JP Schembri 20, A. Trapani, L. Trapani, C. Coffey 41, S. Opojevlic 2, S. Cappello 11. Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Florentina Ciurariu, Iounut Ciurariu

Starlites Naxxar bit-tieni rebħa

Caffè Moak Luxol 45

Starlites Naxxar 58

(12-14)(7-17)(15-13)(11-14)

Imsaħħa bir-ritorn komplet ta’ Steffi De Martino, Starlites Naxxar kisbu t-tieni rebħa tal-kampjonat li wkoll ġiet kontra Caffè Moak Luxol. Luxol kienu mingħajr l-Amerikana Jennifer Oramas li kellha injury fl-aħħar partita kontra Hibs però rkupraw lil Mandi Mercieca. Wara l-ewwel basket tal-partita minn Josephine Diaby għal Luxol,  De Martino wieġbet b’żewġ trippli għal Starlites għalkemm in-naħa l-oħra Antoinette Borg ukoll għamlet trippla għal skor ta’ 5-6. Punti fuq kull naħa ħallew lil Starlites basket minn fuq qabel ma Paula Ellul għamlet l-iskor indaqs 12-12. Starlites għalqu l-ewwel taqsima fuq quddiem wara basket minn Christina Curmi 14-12. It-tieni perjodu fetaħ b’żewġ baskets oħra minn Starlites li minbarra De Martino kellhom ukoll lil Mikela Riolo tmexxi t-team u tiddefendi bi grinta lil Sarah Pace. Fil-fatt kien biss f’din it-taqsima li Pace irnexxielha tagħmel trippla però din kienet f’nofs run ta’ 13-3 minn Starlites. Starlites kellhom il-punti ta’ Curmi flimkien mat-three pointers ta’ De Martino u Riolo biex daħlu jistrieħu 31-19 minn fuq.

Wara l-intervall l-andament tal-partita baqa’ l-istess b’De Martino tkompli bi trippla oħra għalkemm Luxol kellhom il-punti ta’ Anna Fenech Pace. Id-dħul ta’ Nicole Vella wkoll għen l-attakk tal-vjola però fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-punti ta’ Maria Bonett biex Starlites baqgħu fuq quddiem 44-34. Fl-aħħar sessjoni, Riolo fetħet bi trippla oħra għal Starlites b’Vella u Pace jwieġbu għal Luxol. Il-vjola setgħu jaslu biss sa’ 8 punti ‘l bogħod mill-avversarji qabel ma Starlites għalqu l-partita bl-aħħar trippla ta’ De Martino u ħarġu rebbieħa 58-45.

Caffè Moak Luxol: L. Fenech Pace, S. Pace 7, M. Mercieca 3, N. Vella 10, H. Galea, S. Vella, A. Borg 3, P. Ellul 2, J. Diaby 10, S. Bonfiglio 2,  A. Fenech Pace 8.

Starlites: A. Saliba, M. Riolo 18, S. Farrugia, M. Bonett 10, S. De Martino 17, K. Portelli, M. Fenech 5, D. Camilleri, S. Davies 2, C. Curmi 11.

Referees: Nicky Azzopardi, Fanni Fabok, Ionut Ciurariu

ARMS Depiro 59

Hibernians 44

(15-6)(21-17)(17-12)(6-9)

ARMS Depiro komplew jersqu viċin tal-leaders Hibernians meta għelbuhom 59-44 biex tawhom it-tieni telfa konsekuttiva. Hibs kienu b’aktar players neqsin fejn minbarra Ahsleigh Van Vliet kienu wkoll mingħajr Marie Buhagiar, Naomi Farrugia u Iona Agius fil-waqt li Depiro kienu mingħajr Danika Galea. Kienu Depiro li ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 8-2 bil-punti ta’ Hannah Johnson, Julia Xerri u Claire Ciantar. Hibs kellhom risposta minn Ylenia Bonett u Joselle Borg Cardona qabel ma Depiro għamlu seba’ punti oħra mingħajr risposta għal skor ta’ 15-6. Fit-tieni taqsima, Hibs ppruvaw jirkupraw meta kellhom il-punti tal-Amerikana Kenyotta Jenkins. Iżda Depiro malajr reġgħu kabbru l-vantaġġ hekk kif Nicole Agius għamlet 4 trippli wara xulxin għalkemm Kenkins u Kirsty Caruana ppruvaw jirrispondu għall-Pawlisti. Depiro komplew bil-punti ta’ Leanne Duncan u Johnson biex daħlu jistrieħu 36-23 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni, Hibs kienu wkoll mingħajr Sam Brincat li weġġgħat f’dik ta’ qabel biex il-piż tal-attakk baqa’ fuq Bonett u Jenkins li rnexxielhom iqarrbu lit-team tagħhom sa’ 14 -il punt ‘l bogħod. Depiro wieġbu bi trippla ta’ Duncan u aktar punti ta’ Johnson biex temmew it-taqsima 53-35 minn fuq. L-aħħar sessjoni kienet l-anqas waħda li fiha saru punti fejn kien hemm ukoll spazju għal diversi sostituzzjonijiet fuq iż-żewġ naħat. Kien hemm id-debutt fl-għola diviżjoni għal players Amy Mallia ta’ Depiro u Kelly Conti ta’ Hibs hekk kif Depiro kellhom vantaġġ komdu li setgħu jibqgħu jikkontrollaw sat-tmiem u jerbħu l-partita 59-44.

ARMS Depiro: H. Johnson 30, M. Caruana 4, Ni. Agius 6, J. Xerri 4, J. Mallia, L. Duncan 7, No. Agius, C. Ciantar 4, N. Hili, N. Ebejer, N. Borg, D. Galea 10.

Hibernians: M. Buhagiar, Y. Bonett 7, S. Brincat 5, J. Abela 9, K. Jenkins 14, N. Farrugia, K. Caruana 19, J. Dabic, J. Borg Cardona 2.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Matthew Scerri.