Futbol Sport

Rabja fost il-partitarji b’reazzjoni għall-miżuri tal-Covid-19 fl-istadiums

(Ritratt: Martin Agius)

Bosta partitarji li ta’ kull ġimgħa jitilgħu jagħtu s-sapport lit-tim tagħhom jinsabu urtati, b’reazzjoni għall-aħħar miżuri u restrizzjonijiet li tħabbru aktar kmieni minn Chris Fearne. Dan hekk kif l-awtoritajiet tas-saħħa lokali ordnaw li mit-Tnejn li ġej sas-17 ta’ Jannar, il-logħob mill-kampjonati u kompetizzjonijiet kollha lokali ma jistgħux isiru bil-partitarji fil-grawnd.

Wara s-17 ta’ Jannar, il-partitarji jistgħu jattendu biss jekk ikunu ħadu t-tieni doża sa mhux iktar minn tliet xhur qabel jew jekk dak li jkun ingħata t-tielet doża (il-booster) u nħariġlu ċertifikat ġdid.

Minn dawn il-miżuri ntlagħqtu wkoll l-basketball, gyms u pixxini fejn persuni bil-vaċċin biss se jitħallew jidħlu f’dawn il-postijiet mis-17 ta’ Jannar ‘il quddiem.

Intant is-South End Core fi stqarrija qalet li l-partitarji reġgħu ġew imwaqqfa milli jattendu għall-partiti ‘minkejja li kemm ilu miftuħ l-istadium, qatt ma kien hemm konferma ta’ trażmissjoni ta’ Covid-19.’

Bosta partitarji qed iħossu li l-isport ma jingħatax prijorita’ f’ċirkostanzi bħal dawn, kif ġara fil-passat fejn l-isport kien fost l-ewwel attivitajiet li twaqqfu, b’bosta kampjonati jkollhom jitwaqqfu, kawża ta’ numru għoli ta’ każijiet pożittivi għall-Covid-19.