Lokali Qorti

Kundannat il-ħabs wara li vvinta li spiċċa maħtuf

Raġel ħa biss erbat ijiem wara li nħeles minn sentenza ta’ tliet snin ħabs biex spiċċa lura l-ħabs talli vvinta li kien spiċċa maħtuf, jipprova jieħu flus mingħand ommu fl-Iran b’mod illegali kif ukoll lid-direttur spiritwali tal-ħabs. Ċittadin Iranjan bl-isem ta’ Mohammad Tahmasebi Ghareb Shiran ta’ 26 sena ċempel lid-direttur spiritwali tal-ħabs, Fr Hayden, li kien għen isiblu post fejn joqgħod wara li ħareġ mill-ħabs nhar l-Erbgħa l-ġimgħa li għaddiet, biex jgħidlu li kien spiċċa maħtuf.

Huwa qal lill-qassis li waqt li kien miexi ġie mġiegħel jidħol f’vettura u ttieħed f’post fejn spiċċa marbut ma’ siġġu. Huwa għamel l-istess sejħa lil ommu fl-Iran, fejn qalilha li l-ħtif tiegħu kien se jiswieh €2,500 biex jinħeles. L-Ispettur tal-Lydon Zammit qal lill-Maġistrat Leonard Caruana kif Shiran u żewġ ċittadini Maltin, Sarah Zammit ta’ 30 sena, u Jonathan Abela ta’ 39 sena, kienu involuti f’dan il-ħtif falz.

It-tlieta wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom. Zammit qal lill-Qorti kif il-Pulizija ġiet infurmata minn Dun Hayden nhar il-Ħadd li kien irċieva telefonata mill-eks priġunier li ħajtu kienet fil-periklu. Il-pulizija nediet tfittxija mal-pajjiż kollu u saru kuntatti ma’ fornituri tas-servizz biex tikseb lokalizzazzjoni tat-telefon ċellulari ta’ Shiran.

Qal li madwar 50 pulizija kienu involuti f’operazzjoni li damet 24 siegħa. F’ħin minnhom, il-qassis irċieva sejħa oħra li l-dawk li ħatfuh kienu injettaw lil Shiran bid-droga u li kien tilef minn sensih. Omm Shiran qalet li kien irċiviet sejħa biex tibgħat il-flus permezz ta’ Western Union lil ċertu Sarah Zammit.

Din l-informazzjoni wasslet lill-pulizija għaliha u għal Abela u kien dak il-waqt li meta l-pulizija aċċertat ruħha li din kienet kollha storja maħduma. Zammit qal li l-lokalizzazzjonijiet tal-mobile wrew li Shiran kien fil-flat ta’ Abela fil-Gżira meta saru t-telefonati.

Irriżulta li kienu qed jabbużaw mid-droga flimkien fil-flat meta ġiethol l-idea li jivvintaw din l-istorja. Qal li r-raba’ persuna li dak iż-żmien kienet ukoll magħhom se tkun akkużata fil-jiem li ġejjin wara li jinħareġ mill-isptar fejn iddaħħal għall-kura.

Zammit qal lill-Qorti li t-tlieta għandhom problemi serji ta’ droga u kif il-flat ta’ Abela fil-Gżira kien fejn in-nies kienu jiltaqgħu għall-abbuż tad-droga. Sarah Zammit dan l-aħħar kellha sentenza sospiża kkonvertita f’sentenza ta’ ħabs effettiva. Il-Maġistrat Caruana ċaħad talba għal libertà proviżorja u nżammu arrestati. Iżda hekk kif kienu qed jinħarġu mill-awla, Shiran talab biex jitkellem għax ried iwieġeb ħati, kumment li ssorprenda lil kulħadd.

“Irrid wieġeb li jien ħati. Irrid inbiddle ħajti. Poġġejt lil dawn (b’referenza għall-ko-akkużati) f’din is-sitwazzjoni, gdibt lil ommi li hija mara anzjana u wkoll lil Dun Hayden li għenni ħafna. Ittradijt il-fiduċja tagħhom u wasal iż-żmien li nieħu l-kastig tiegħi. Għandi bżonn nerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħi,” huwa qal.

Wara li l-Maġistrat Caruana tah ħin biex jaħseb dwar il-bidla fid-deċiżjoni tiegħu, kkundannat disa’ xhur ħabs u ordna li jingħata l-kura għall-vizzju tad-droga. L-Avukat Leontine Calleja kienet avukat difensur. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Ispetturi Stephen Gulia u Doriette Cuschieri.