Żagħżugħ ta’ 19-il sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li kien involut f’inċident bejn żewġ karozzi. L-inċident seħħ l-Erbgħa filgħaxija għall-ħabta tad-9 fi Triq Valletta, fil-Mosta.
Minn investigazzjonijiet li saru rriżulta li żagħżugħ ta’ 19-il sena residenti l-Mosta, li kien qed isuq Toyota Corolla, tilef il-kontroll u ħabat ma’ vettura tat-tip Smart li kienet qed tinstaq minn mara ta’ 38 sena residenti Ħ’Attard.
Fit-Toyota, kien hemm żagħżugħ ieħor ta’ 19-il sena residenti San Pawl il-Baħar. It-tliet persuni nagħtaw l-għajnuna minn tim mediku u minn membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei b’ambulanza, fejn dak li jirrisjedi San Pawl il-Baħar ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji filwaqt li t-tnejn l-oħra ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana li ħatar inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
