Coronavirus Lokali Saħħa

Appell biex nisa tqal, li qed ireddgħu jew li qed jippjanaw għat-tqala jieħdu t-tilqima tal-Covid

Il-Kulleġġ Malti tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija qed jappella biex nisa tqal, li qed ireddgħu jew li qed jippruvaw jinqabdu tqal jieħdu-vaċċin kontra l-Covid.

Dan skont il-linjigwida tal-Bord Ewropew, il-Kulleġġ Irjali u l-Kulleġġ Amerikan tal-Ostetrija u l-Ġinekoloġija.

Il-Kulleġġ Malti fi stqarrija ppubblikata qal li t-tilqima, inkluż il-booster, tibqa’ l-aħjar mod li wieħed jipproteġi lilu nnifsu kontra l-virus u r-riskji li jġib miegħu fit-tqala, kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija.

Tqala minn kull tlieta bil-Covid tiżviluppa sintomi inkluż sogħla u deni.

Ċifri globali juru kif nisa tqal huma f’riskju akbar ta’ mard sever mill-Covid meta mqabbla ma’ nisa li mhumiex tqal. Data turi li ‘il fuq minn 95% tan-nisa li jkun nftettati bil-Covid u li jkollhom bżonn kura fl-isptar huma nisa mhux imlaqqma.

Filwaqt li fil-bidu tal-proċess tat-tilqim, nisa tqal kienu qed ikun protetti permezz ta’ miżuri fuq skala Nazzjonali, bħalissa dan jista’ ma jkunx il-każ u alllura nisa tqal mhux imlaqqma jinsabu f’riskju akbar minn qabel.

Il-Kulleġġ Malti spjega wkoll li data miġbura mill-bidu tal-pandemija ma tqajjimx lok għal tħassib dwar tilqim f’nisa tqal u qalet li bħal tilqim ieħor, it-tilqima kontra l-Covid u l-booster ma jistgħux jinfettaw lit-tarbija. Evidenza xjentifika fuq vaċċini oħra wkoll turi dan.

Filwaqt li nifhmu li dan hu żmien ta’ ansejtà, temm jgħid il-kulleġġ, u li deċiżjoni dwar jekk wieħed għandux jieħu t-tilqima jew le mhijiex faċli, li tieħu l-vaċċin u l-booster hu iktar sigur kemm għall-omm kif ukoll għat-tarbija u fakkar li informazzjoni ta’ min jorbot fuqha hija disponibbli fuq siti xjentifiċi. Il-kulleġġ ħeġġeġ lil min għadu mħasseb dwar il-vaċċin sabiex ikellem lil tabib tal-fiduċja tiegħu.