Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 955 każ ġdid – rekord ieħor għat-tielet jum konsekuttiv

Fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna ġew irreġistrati 955 każ ġdid ta’ Covid-19 – rekord lokali ieħor ta’ każi ġodda f’temp ta’ jum wieħed biss..it-tielet rekord konsekuttiv, jum wara l-ieħor.

Dan ifisser li f’temp ta’ ġimgħa f’Malta u Għawdex kellna 3,481 każ ġdid tal-virus.

Dan filwaqt li fl-Isptar Mater Dei hemm rikoverati 70 pazjent – żieda ta’ 50 f’temp ta’ sebat ijiem biss fosthom żieda ta’ 5 pazjenti oħra rikoverati fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.

Il-Ministeru għas-Saħħa ħabbar ukoll li ġew irreġistrati bħala imfejqa 118-il persuna filwaqt li fortunatament ma ġiet irraportata ebda fatalità kawża tal-virus, bl-ammont ta’ vittmi jibqa’ dak ta’ 473.

Għaldaqstant il-każi attivi issa telgħu għal rekord lokali ta’ 4,469.

Din iż-żieda qawwija ta’ każi ġodda inevitabbilment qed twassal għal pressjoni qawwija mhux biss fuq is-servizzi tas-saħħa lokali iżda ankè fuq diversi postijiet tax-xogħol li matul dawn iż-żminijiet qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi impjegati li jinsabu fuq kwarantina obbligatorja.

Bosta saħqu li qed isibuha ferm diffiċli sabiex jinqdew mill-aktar fis fuq il-linja 111, kif ukoll sakemm jirċievu komunikazzjoni minn naħa tad-dipartiment tal-contact tracing. Dan kawża tal-pressjoni qawwija li dawn il-ħaddiema qed ikollhom fuqhom bin-numri ta’ każi dejjem jiżdiedu, dovuta wkoll għall-firxa fil-komunità tal-varjant Omicron.