“Meta aħna fid-djar tagħna, fil-pjazez tagħna u fil-knejjes tagħna narmaw il-presepji, il-maxtura, aħna nkunu qed nagħmlu att ta’ fidi li dik it-tarbija fix-xbieha ħelwa hija Alla mħabba magħmul bniedem” stqarr fil-messaġġ tiegħu L-Arċisqof ta’ Malta Charles J Scicluna.
Huwa kompla jgħid kif il-Mulej lest jitwieled f’kull ambjent biex ikun qrib tagħna dan filwaqt li llum irridu naħsbu ftit kif nistgħu aħna wkoll nagħmlu hekk lil xulxin għaliex l-isem li jingħata huwa Alla Salvatur imma wkoll Għimmanu-El, Alla magħna.
Kif nistgħu aħna b’dak li nagħmlu, b’dak li ngħidu, b’dak li naħsbu fil-Milied, inkunu tassew qrib xulxin?
L-Arċisqof sellem lin-nies li forsi ma tantx naħsbu fihom: dawk li qegħdin fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dawk li qegħdin fl-isptarijiet u f’istituzzjonijiet oħra, l-anzjani tagħna f’tant djar fejn isibu għożża imma jista’ jkun li f’dawn il-ġranet iħossuhom ftit weħidhom. Huwa stqarr li tajjeb niftakru f’dawk li forsi waqgħu f’xi vizzji, f’dawk li qed jippruvaw
isibu l-hena tagħhom f’xi ħaġa li minflok tibnihom, tkissirhom. Dawk huma wkoll parti mill-familja tagħna u rridu nkunu qrib tagħhom u naħdmu biex bl-għożża ta’ bejnietna Malta tkun tassew ta’ kenn għal kull min jgħix fuqha.
“F’isem it-tarbija ta’ Betlehem, li ma sabitx post f’dan il-lejl qaddis fil-lukanda, lil min iħabbat fuq il-bieb ta’ xtutna aħna kif nistgħu ngħidulu full up, m’għandniex post? Possibbli m’għandniex post, jew inkella m’hemmx post fil-qalb tagħna?” kompla jistqarr l-Arċisqof fil-messaġġ tiegħu.
Huwa temm il-messaġġ tiegħu billi awgura lil kulħadd Milied hieni filwaqt li irringrazzjja lil kull min ipprova jippromwovi b’kull mod il-kultura tal-akkoljenza tagħna, il-kultura tal-ħlewwa.
“Jalla dan il-Milied ikollna l-qalb tagħna miftuħa biex nilqgħu lil xulxin u għal xulxin, u li t-tislima ħelwa tal-Milied tkun ukoll impenn biex nużaw kliem ħelu u sabiħ għal xulxin” temm jgħid l-Arċisqof Charles J. Scicluna.