Coronavirus Lokali Saħħa

Ħafna mistoqsijiet mhux imwieġba

Ilna kważi sentejn ngħixu f’pandemija – pandemija li wriet snienha diversi drabi – pandemija li tassew urietna li l-mewġ mhux “qiegħed fil-baħar” – pandemija li l-“gwerra” kontriha għadna ma rbaħnihiex. Il-Coronavirus ġabet magħha mumenti fejn il-Gvern ħafna drabi kaxkar saqajh biex daħħal miżuri biex jiġġieled il-firxa tal-virus.

Pero meta imbgħad, f’mument ta’ paniku daħħal ir-restrizzjonijiet, ħafna drabi, kienu miżuri ta’ ‘one size fits all’, u mingħajr dubju, tifhem kif il-pubbliku jsaqsi biex jifhem aħjar. Mingħajr dubju, kif inhu xogħlhom li jagħmlu, il-ġurnalisti jistaqsu iżda sfortunatament, għal xi raġuni, ir-risposti mhux dejjem ingħataw.

L-aħħar miżura ta’ mitigazzjoni li ħabbar il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waslet ftit minuti qabel f’pajjiżna rajna rekord ieħor ta’ każi ġodda. Filfatt, fil-jiem li ġejjin iċ-ċertifikat tat-tilqim, mis-17 ta’ Jannar, se jkun validu għal tliet xhur mit-tieni doża u jibqa’ validu biss għal 9 xhur oħra jekk tkun ħadt il-booster. Jekk ma tieħux il-booster iċ-ċertifikat tal-vaċċin ma jibqax jgħodd.

Din il-miżura ġabet ħafna mistoqsijiet magħha għaliex mis-17 ta’ Jannar, bars, restaurants, gyms, spas, casinos, snack bars, pools, clubs, cinemas, teatri, attivitajiet sportivi u kwalunkwe attività oħra se jkunu aċċessibli biss għal min għandu ċertifikat tal-vaċċin. Dan jeskludi biss tfal ta’ taħt it-12-il sena li mhux se jilħaq ikollhom iċ-ċertifikat.

Kien għalhekk li Net News għamel dawn il-mistoqsijiet iżda tweġibiet, kif segwejna waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li xxandret fuq il-paġna ta’ Facebook tal-Ministeru tas-Saħħa ma ngħatawx. Bqajna mingħajr tweġiba dwar jekk irridux nieħdu booster kull 9 xhur. Bqajna mingħajr tweġiba dwar x’jagħmel min hu pożittiv bħalissa u għalhekk wara s-17 ta’ Jannar mhux se jkun jista’ jieħu l-booster. U bqajna mingħajr tweġiba dwar x’se jagħmel min kellu reazzjoni għall-vaċċin u minħabba sitwazzjoni ta’ saħħa, ma jistax jieħu l-booster.

S’issa jidher, li min ma jieħux il-booster, mhux se jkun jista’ jidħol lura f’Malta jekk isiefer u f’Malta mhu se jkun jista’ jmur prattikament imkien. Ma nafux jekk dawn l-individwi, hux se jknu jistgħu jgħixu ħajja normali jew le. Ma nafux hux se ssir eċċezzjoni għal ċertu każijiet. Bqajna ma nafu xejn.

Wieħed jispera li sas-17 ta’ Jannar, l-awtoritajiet iwieġbu għal mijiet ta’ mistoqsijiet li qamu wara l-aħħar konferenza tal-aħbarijiet li indirizza l-Ministru Chris Fearne.

Mit-Tnejn li ġej, ir-reġistrazzjoni għat-teħid tal-booster se tiftaħ għal persuni ta’ ‘il fuq minn 18-il sena li jistgħu jirreġistraw għall-booster mis-sit vaċċin.gov.mt.