Lokali

Il-Gvern jibqa’ jkaxkar saqajh dwar Frank Fabri

Wara li kaxkxar saqajh fuq l-eks Ministru Justyne Caruana, issa l-Gvern ta’ Robert Abela qed jagħmel l-istess ma’ Frank Fabri.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar indika b’mod ċar li bħalissa qed itella’ u jnizzel tittieħedx azzjoni jew le kontra l-ogħla uffiċjal tal-Ministeru tal-Edukazzjoni Frank Fabri. Dan wara l-iskandlu tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni u r-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler illi stabilixxa li kisret l-etika meta tat kuntratt kontroversjali lis-sieħeb tagħha Daniel Bogdanovic, bl-approvazzjoni ta’ Fabri.

Mistoqsi mill-ġurnal Times of Malta, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar saħaq li bħalissa għaddej proċess intern biex jiġi eżaminat jekk Frank Fabri, is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru, kisirx xi regoli u jekk għandux jaffaċċja miżuri dixxiplinarji.

Mario Cutajar ikkonferma li wara li qara r-rapport l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler huwa ċempel minnufih lil Fabri biex jisma l-verżjoni tiegħu. Cutajar sostna li bħalissa għaddejja proċedura interna biex jiġu stabbiliti l-fatti, u jara x’ġara eżatt fuq bażi ta’ servizz pubbliku.

Mario Cutajar qal li Frank Fabri ilu taħt l-attenzjoni tagħhom minn meta l-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler dan ix-xahar sab li nkisru r-regoli tal-etika meta ngħata kuntratt ta’ €5,000 fix-xahar lil Daniel Bogdanovic.

Hyzler talab ukoll lill-Kumitat tal-istandards tal-Parlament biex jikkunsidra li jgħaddi l-kwistjoni lill-pulizija għal investigazzjoni kriminali dwar reati li jġorru sentenza effettiva ta’ sitt xhur ħabs.

Fir-rapport ingħad li Fabri naqas milli jgħid lill-Kummissarju jekk kienitx il-Ministru li ressqet isem Bogdanovic għal dan l-istudju fl-iskola sportiva, anke meta mistoqsi diversi drabi. Dan il-fatt ġie kkonfermat aktar tard minn impjegat ieħor tal-Ministeru.

Intant, il-Union tal-Edukaturi Professjonali kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà fejn talbet li ssir investigazzjoni kemm fuq Justyne Caruana kif ukoll fuq Frank Fabri. Ir-rapport ta’ Hyzler jenfasizza l-possibbiltà ta’ investigazzjoni dwar ksur potenzjali tal-artikoli 124 u 125 tal-kodiċi kriminali.

Dawk l-artikoli jikkonċernaw uffiċjali pubbliċi li jieħdu interess privat fil-ħruġ ta’ ordnijiet jew kuntratti u jġorru piena ta’ ħabs sa massimu ta’ sitt xhur. Caruana ċaħdet li għamlet xi ħaġa ħażina u qalet li se tikkontesta r-rapport fil-qorti kostituzzjonali.

Intant fil-jiem li għaddew Net News bgħat diversi mistoqsijiet lil Frank Fabri rigward dan il-każ madanakollu s’issa dawn baqgħu mhux imwieġba.