Lokali

Il-konsulent li għamel xogħol Bogdanovic imkeċċi mill-Ministeru tal-Edukazzjoni

Il-Ministru l-ġdid jagħżel jekk iridx jerġa' jdaħħlu bħala konsulent

Il-konsulent li kien impjegat fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u li kiteb ir-rapport li kien imqabbad jagħmel Daniel Bogdanovic ġie mkeċċi mill-istess Ministeru.

Paul Debattista kien il-konslent ta’ Justyne Caruana u kien il-persuna li spiċċa jagħmel ix-xogħol li kellu jagħmel is-sieħeb tal-Ministru – xogħol li tiegħu Bogdanovic kien se jitħallas is-somma ta’ €15,000. Iżda għaliex jidher li l-eks plejer tal-football ma kienx kapaċi jagħmel dak mitlub minnu, kien Debattista li ħejja l-biċċa l-kbira tar-rapport finali.

Issa, kelliem għall-Ministeru kkonferma li l-kuntratt ta’ Debattista bħala konsulent fi ħdan il-Ministeru ġie tterminat.

Skont l-istess kelliem, dan isir kull darba li Ministru jħalli l-kariga tiegħu, u allura dan kien qed iseħħ fl-isfond tar-riżenja ta’ Caruana fl-aħħar ġranet.

Il-fatt li r-rapport kien inkiteb minn Debattista ħareġ mill-investigazzjonijiet li għamel il-Kummissarrju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler minn data li ġabar mingħand l-Aġenzija tal-IT, il-MITA.

Hyzler skopra wkoll li Debattista kien saħansitra ħejja s-CV ta’ Bogdanovic biex jieħu l-kuntratt tax-xogħol fil-MInisteru u kien bgħatulu email fl-istess ġurnata li l-istess Dabattista bgħat email oħra lil Frank Fabri, s-Segretarju Permanenti tal-Edukazzjoni fejn qallu li kien sab espert li jikkwalifika biex iħejji r-rappport in kwestjoni.

Intant, kelliem għall-Ministeru qal li d-deċiżjoni jekk il-konsulent jerġax jiddaħħal fil-Ministeru li kien impjegat fih issa tkun f’idejn il-Ministru tal-Edukazzjoni li se jinħatar biex jieħu post Justyne Caruana.