Lokali Qorti

Mixli li hedded u offenda tliet Pulizija wara li ħabat ‘bumper to bumper’

Żagħżugħ ta’ 24 sena minn Birżebbuġia ġie mixli quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco li wara li ħabat ‘bumper to bumper’ inqalgħet kommossjoni fejn allegatament hu spiċċa biex hedded tliet Pulizija u kkaġuna ġrieħi ħfief fuq wieħed minnhom. Huwa ġie mixli wkoll li kien xurban li naqas li jilbes il-maskra skont il-liġi minħabba l-pandemija tal-COVID19 u li meta ngħata l-ordni biex jagħmel dan qabad joffendi lill-Pulizija.

Andre Mamo li qal li jaħdem xufier il-Freeport wieġeb mhux ħati li Surġent tal-Pulizija u żewġ Kuntistabbli , b’wieħed minn dawn tal-aħħar jispiċċa bl-uniformi mqatta’. Huwa ġie mixli wkoll li qal kliem oxxen fil-pubbliku li jikkonsisti f’dagħa, li nġurja lill-Pulizija, li l-ħsara li wettaq fl-uniformi tal-Pulizija hija ta’ 275 ewro, li ma kienx f’kundizzjoni li jsur karozzi, li kkonsma ammont kbir ta’ alkoħol, li ma obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li sar reċidiv. L-inċident seħħ nhar il-Ħamis li għadda fis-7.30pm. fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa.

L-Ispettur Janetta Grixti qalet li ftit wara l-ħabta huwa qal lill-Pulizija li ma kellux tort fil-ħabta, u li dawn qalulu biex jimla l-formola tal-‘bumper to bumper’.  Dwar min għandu tort il-Pulizija qalulu li ma jidħlux fiha. Hawn qalet l-Ispettur beda jkellem lill-Pulizija ħażin u hawn ukoll skoprew li kellu riħa qawwija ta’ xorb. Fil-fatt l-istess Pulizija talbu biex jintbagħtilhom ‘breathaliser” u hawn l-akkużat kompla joffendihom u jgħidilhom li huwa għandu l-ħbieb u mhuma se jagħmlulu xejn.

Meta sarlu t-test dan kien ta’ 92.4, erba’ darbiex il-limitu li huwa ra’ 22. Il-Pulizija riedu jġibu tow truck, u Mamo ma riedx u dak il-ħin beda jħares ukoll fiss lejn wieħed mill-kuntistabbli, li mar biex iħebb għalih. Fil-fatt l-ispettur Grixti qalet li s-Surġent biex jikkalma s-sitawzzjoni ħa lill-kuntistabbli ftit il-bogħod minnu biex ma tiskalax is-sitwazzjoni. F’dan il-ħin spiċċa biex il-mobile tas-Surġent inkiser.

Saret talba mill-Avukat Charmaine Cherrett għall-pleġġ li kellha oġġezzjoni minn naħa tal-prosekuzzjoni minħabba l-biża li dan jista’ jagħmel xi ħaġa lill-vittmi. Minn naħa tagħha Cherrett qalet li ma hemmx persuni pajżana li jridu jixhdu u li l-klijent tagħha għadu preżunt innoċenti.

L-Avukat qalet ukoll li xtaqet tkun taf l-akkuża tar-reċidiva x’inhi bil-Qorti tgħid li waħda hija fuq taxxa mhijiex waħda kriminali iżda kontravenzjoni filwaqt li l-oħra hija ta’ theddid bil-mobile. Hawn l-Ispettur Grixti talbet lill-qorti biex tinħareġ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tat-tliet Pulizija inkwistjoni, liema talba intlaqgħet mill-Qorti.

Il-Maġistrat Lanfranco la laqgħet ukoll it-talba għall-pleġġ minn naħa tad-difiża , b’Mamo jinħeles mill-arrest fuq depożitu ta’ elf ewro u garanzija personali ta’ 3,000 ewro. Peress li l-akkużat jaħdem minn nofs-il lejl sat-8.00a.m. l-Qorti ordnatlu jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa l-Għassa tal-Pulziija ta’ Birżebbuġa bejn is-6.30pm u l-11.30pm u li ma joħroġ mid-dar bejn id-9.30am u s-6.00pm.