Sejħa għall-pulizija f’ċentru tas-saħħa l-Ħamis li għadda wasslet għall-arrest fuq pussess aggravat ta’ droga. Henry Onwaueabuchi ta’ 30 sena min-Niġerja tressaq quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco, akkużat b’pussess ta’ ħaxixa u reżina tal-kannabis, kif ukoll kokaina, f’ċirkostanzi li kienu jindikaw li ma kinux esklussivament għall-użu personali tiegħu.
Huwa qal lill-Qorti li kien jgħix fil-Lukanda St Patrick f’San Ġiljan u kien bla xogħol. L-Ispettur Ryan Vella, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li fit-23 ta’ Diċembru fid-09:30am, il-pulizija kienet intbagħtet fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta hekk kif pazjent mingħajr dokumenti ta’ identifikazzjoni kien qed jaqla’ l-inkwiet.
Fuq Onwaueabuchi saret tfittxija mill-pulizija fejn instabet droga fuq il-persuna tiegħu. Huwa ġie arrestat fuq il-post. Is-sustanzi wara ġew miżuna, qal l-ispettur. L-akkużat kien iġorr 0.23g raża tal-kannabis, 1.68g ħaxixa tal-kannabis u 3.7g kokaina.
Meta mistoqsi mill-pulizija dwar il-post ta’ residenza tiegħu, huwa qalilhom li kien qed joqgħod f’kamra ta’ lukanda f’San Ġiljan, iżda l-pulizija li permezz tat-telefona għamlet il-verifiki mal-lukanda qalulhom li l-kamra kienet qed titħalla vojta minħabba l-pandemija.
L-Avukat Charmaine Cherrett, għajnuna legali lill-akkużat, qalet lill-Qorti li Onwaueabuchi kien qal lill-pulizija li kien juża d-droga u kien indika party fid-dar fejn qal li xtara d-droga. Dan ma kienx investigat, qalet l-avukat, li spjegat li l-akkużat kien jagħmel parti minn grupp ta’ nies, u ma kienx qed ibigħ id-droga waħdu.
L-ispettur iċċara li l-house party imsemmi suppost sar fl-istess kamra tal-lukanda fejn sostna li kien joqgħod l-akkużat. L-akkużat kien qal lill-pulizija li kien xtara d-droga f’Paceville minn raġel Serb, iżda ma ta l-ebda ismijiet. L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi.
L-avukat tiegħu talab il-ħelsien mill-arrest, li kienet opposta mill-prosekuzzjoni, li qalet li l-indirizz li pprovda kien l-istess kamra ta’ lukanda li kien arrestat fiha. Cherret staqsiet lill-ispettur jekk il-pulizija kinitx daħlet fil-kamra li suppost kienet magħluqa.
Huma kienu tkellmu mal-Management, qal l-Ispettur, iżda kkonferma mal-Qorti li l-Pulizija ma marrux hemm. L-akkużat saħaq li kien qal lill-pulizija li kien qed joqgħod fil-lukanda San Ġorġ, iżda l-ispettur qal li waqt l-interrogazzjoni l-akkużat kien sostna li kien qed joqgħod fil-lukanda Dragonara.
Żied jgħid li l-akkużat kien semma wkoll lukandi oħra. Cherrett qalet li kien evidenti li kien hemm persuni oħra li ma kinux ġew mitkellma mill-pulizija. “Ma nistgħux nistrieħu fuq informazzjoni verbali mogħtija permezz ta’ telefonata. Dan huwa bniedem li qed jiġi miċħud mill-libertà,” hija qalet.
L-ispettur iċċara li l-pulizija kienet marret il-lukanda u tkellmet mal-manager, iżda ma ċċekkjawx il-kamra u kienu straħu fuq dak li qalilhom il-manager. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u sostniet li l-akkużat ma kienx ta’ min joqgħod fuqu, peress li ta indirizz falz.
Barra minn hekk kien bla xogħol, m’għandux familja f’Malta, u kien hemm il-biża’ li jaħrab mill-pajjiż. Il-Maġistrat Lanfranco, wara li semgħet is-sottomissjonijiet dwar il-libertà proviżorja u wara li semgħet l-oġġezzjoni tal-prosekuzzjoni f’dan ir-rigward, ċaħditlu l-ħelsien mill-arrest, filwaqt li osservat li f’dan il-mument, l-akkużat kien naqas milli jipprovdi lill-qorti b’indirizz residenzjali affidabbli u fiss u li ma jidhirx li għandu rabtiet biżżejjed ma’ Malta.
//= $special ?>