“Tajjeb li nħarsu lura u nitgħallmu minn dak li għaddejna minnu, iżda huwa aktar importanti li nħarsu ‘l quddiem b’tama u kuraġġ. “
Fil-Jum tal-Milied, il-President ta’ Malta jwissi sabiex ilkoll nisimgħu minn dak li jgħidulna l-esperti mediċi u nagħmlu użu sħiħ mill-vaċċini li qed jiġu rrakkomandati. Huwa saħaq li f’pajjiżna għandna x-xorti kbira li l-proċess ta’ tilqim kien u għadu wieħed effiċjenti ħafna. Għalhekk il-President George Vella jappella sabiex ma narmux din l-opportunità li flimkien niġġieldu kontra dan il-virus, u flimkien ukoll ikomplu nibnu ġejjieni, fejn is-saħħa kollettiva tagħna tibqa’ mħarsa bl-aħjar mod.
“Ħadna ħafna tagħlimiet li m’għandniex inwarrbu, fosthom fuq kif intlaqtu r-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Tajjeb li nirriflettu dwar kif stajna ġibna ruħna aħjar ma’ ta’ madwarna, kif forsi stajna ma wżajniex kliem iebes, kif maqdarna bla ma qisna l-konsegwenzi, u kif stajna tajna l-ġenb lil min hu l-iktar batut.”
Il-President sostna li jista’ jkun li bl-isfidi, u anki biża’, li ġabet magħha l-pandemija il-poplu ħares biss lejn l-interessi immedjati tiegħu, u ma kienx daqstant sensittiv lejn ħaddieħor.
“F’dan l-isfond, nixtieq li lkoll inħarsu lejn is-Sena l-Ġdida bi spirtu iktar b’saħħtu ta’ solidarjetà u sens ta’ rispett ta’ wieħed lejn l-ieħor.”
Huwa għamel referenża għall-għeżież tagħna il-morda, u li wħud minnhom jinsabu għaddejjin minn xi kura kemm Malta kif ukoll barra minn xtutna.
“Lil dawn inqawwilhom qalbhom u ngħidilhom jagħmlu kuraġġ…m’intomx minsijin.”
“Inwassal ukoll messaġġ ta’ faraġ lill-familjari tagħhom li nafu kemm dan jaf ikun żmien iebes għalihom, għaliex naf x’piż u x’responsabbiltà qegħdin iġġorru biex idduru bihom. Fuq kollox, ngħidilkom ma tħossukomx waħidkom, għax tinsabu fi ħsibijietna u f’ talbna.”
Fl-aħħarnett il-President tenna li dan huwa żmien ta’ għaqda, u żmien ta’ mħabba.
“Ma stajtx inwassal messaġġ ġenwin għal dawn il-Festi, jekk mhux wieħed iffukat fuq dawk, li minħabba ċirkostanzi ta’ mard, esklużjoni u diffikultajiet fil-ħajja, qajla jistgħu jgawdu l-Milied kif wieħed jawgura u jixtieq.”
Il-President għalaq billi f’ismu u f’isem martu Miriam awgura il-Milied it-tajjeb lil kulħadd u Sena Ġdida mimlija hena, sliem u fuq kollox saħħa.