Minkejja li fl-aħħar jiem rajna tliet rekords lokali ta’ każi ġodda tal-pandemija… u preżentament l-ammont ta’ każi attivi f’Malta huwa ta’ iktar minn 4,000 … is-safar fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, mhux mistenni li jieqaf.
Filfatt .. it-tim tal-Ajurport Internazzjonali ta’ Malta qed iħejji ruħu għall-ivvjaġġar tal-festi għaliex bosta persuni jibdew triqithom minn jew lejn il-gżejjer Maltin. Hu għalhekk li l-MIA qed tappella lill-passiġieri kollha sabiex isegwu r-restrizzjonijiet għall-prevenzjoni tat-tixrid tal-COVID-19 matul il-vjaġġ tagħhom.
Skond l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-iktar jum impenjattiv tal-istaġun mistenni jkun nhar it-Tnejn 27 ta’ Diċembru …. meta l-akbar volum ta’ traffiku tal-passiġġieri se jgħaddi mill-ajruport.
Għaldaqstant fil-jiem ta’ qabel it-titjira, il-passiġġieri huma mitluba jiffamiljarizzaw ruħhom mar-restrizzjonijiet li qegħdin fis-seħħ fid-destinazzjoni tagħhom u jippreparaw id-dokumenti tas-saħħa meħtieġa għad-dħul fil-pajjiż.
Minħabba li kull dokument irid jiġi verifikat fis-sala tat-tluq qabel ma wieħed ikun jista’ jibda bil-vjaġġ tiegħu, il-passiġġieri li se jivvjaġġaw matul il-jiem li ġejjin qed jingħataw il-parir li jaslu l-ajruport minn tallinqas sagħtejn u nofs qabel il-ħin skedat tat-tluq tat-titjira tagħhom.
Sorpriżi relatati mal-Milied fis-Sala tat-Tluq tal-ajruport, ma jonqsux… iżda l-iscreening ta’ sigurtà jiġi l-ewwel u qabel kollox u sabiex jiġi evitat dewmien mhux neċessarju f’din il-parti tal-vjaġġ, il-passiġġieri huma mfakkra li ma jistgħux iġorru kontenituri b’aktar minn 100milli litru ta’ likwidi fil-‘hand luggage’ għaliex dawn jistgħu jiġu kkonfiskati.