Lokali

Jiddaħħlu Malta grupp ta’ madwar 70 immigrant

Ritratt: Noel Zammit (Net News)

Ftit tal-ħin ilu, f’Boiler Wharf, l-Isla, abbord il-patrol boat P52 tal-Forzi Armati ta’ Malta, iddaħħlu grupp ta’ madwar 70 immigrant. Dan il-grupp t’immigranti jasal f’pajjiżna ftit tal-ġimgħat wara li 43 immigrant ieħor ġew salvati u ddaħħlu f’Malta.

Jidher li dan il-grupp ta’ immigranti kien ilu fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ pajjiżna sa mit-22 ta’ Diċembru. Dan meta l-għaqda Alarm Phone kienet qegħda żżomm kuntatt magħhom filwaqt li tagħmel appelli kontinwi lill-Gvern Malti biex jibgħat lill-Forzi Armati fuq missjoni ta’ salvataġġ.

Skont Alarm Phone, dan il-grupp li issa ddaħħal f’pajjiżna, telaq mil-Libja abbord żewġ dgħajes tal-injam iżda sabu ruħhom f’ħafna diffikultà lejliet il-Milied. Mhux eskluż li bħalissa hemm iktar gruppi ta’ immigranti bejn sema u ilma hekk kif Alarm Phone qed taġġorna b’mod kontinwu b’dak li għaddej bħalissa fil-Mediterran. Filfatt, bħalissa hemm madwar 108 immigrant f’riskju li jitlfu ħajjithom mhux bogħod minn Calabria.

Fl-aħħar ġimgħa biss, fil-baħar Mediterran tilfu ħajjithom madwar 200 immigrant li pruvaw jaħarbu mil-Libja. Dan hekk kif il-kriżi tal-immigrazzjoni eskalat ħafna fl-aħħar jiem fejn apparti dawk li tilfu ħajjithom, ħafna oħrajn, inkluż tfal, ġew salvati mill-ilma jew minn dgħajjes li kienu prattikament mgħerqa.

Sal-aħħar ta’ Novembru mietu madwar 1,600 immigrant fil-Mediterran. Dik li kienet qed titqies bħala waħda mill-agħar snin fejn jidħlu traġedji ta’ immigranti, fl-aħħar jiem tas-sena 2021, qed tkompli tigrava.

L-istatistika maħruġa mill-Organizazzjoni Internazzjonali tal-Immigrazzjoni turi li bejn l-2014 u l-2021 fil-baħar Mediterran mietu madwar 23,000 persuna.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar il-Papa Franġisku kkundanna ‘is-sens ta’ egoiżmu u s-sentimenti eżaġerati ta’ nazzjonaliżmu’ fil-mod kif numru ta’ pajjiżi fl-Ewropa qed jitrattaw l-immigranti fil-baħar. Hu wissa li dan kapaċi jwassal ‘għal konsegwenzi diżastrużi’. Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal hekk waqtżjara li għamel fil-Greċja waqt fil-gżira ta’ Lesbos. Il-Papa Franġisku qal li l-immigranti qed jintużaw għall-propaganda politika.