“Il-Milied festa ta’ dawk kollha li jħobbu, u li jimpurtahom minn ħaddieħor…għal ġid komuni. Ejjew naprezzaw u nirrispettaw lil kull wieħed u waħda minnha.”
Diskors il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’messaġġ li wassal f’okkażjoni ta’ Jum il-Milied fejn saħaq li dawn iż-żminijiet jgħinuna nirriflettu fuq it-tifsira tal-ħajja…li l-ewwel skop tagħha hija li verament naprezzaw u nirrispettaw lil kulħadd miż-żgħir sal-kbir.
Tul il-messaġġ tiegħu Bernard Grech jenfasizza dwar l-importanza tad-dinjità tal-bniedem u li ħadd m’għandu xejn inqas minn ħaddieħor.
Huwa sellem lil dawk li b’xi mod jew ieħor preżentament iħossuhom imwarrba mis-soċjetà u stqarr li huma jinsabu f’post speċjali f’qalbu filwaqt li ħeġġiġhom sabiex ma jibqgħux iħossuhom skartati, għaliex verament hemm min jaħseb fihom u jieqaf u jagħti widen għal dak kollu li jeħtiġilhom.
Bernard Grech ħeġġeġ lil kull min huwa ta’ rieda tajba sabiex jingħaqad miegħu f’dan il-ħsieb sabiex verament fis-soċjetà tagħna ħadd ma jkun injorat u realment ħadd ma jibqa’ lura.
Huwa sostna li hemm bżonn li s-soċjetà tagħna tkun aktar ġusta li kulħadd jingħata l-attenzjoni li jixraqlu għaliex id-dinjità tal-bniedem hija s-sies tal-ġid komuni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li l-poplu ma jridx soċjetà li fiha biex il-problemi jissolvew wieħed iħallas bil-vot tiegħu, jew b’xi forma ta’ favur jew ieħor, iżda l-poplu jrid soċjetà li fiha d-demokrazija tkun waħda soda.
Dan filwaqt li awgura lill-poplu Malti u Għawdxi kollu l-Milied t-tajjeb mimli ferħ u hena.
//= $special ?>