Mal-480 titjira li kienu skedati li joperaw minn u lejn Malta fl-ewwel ġimgħat tas-sena l-ġdida kellhom jitħassru hekk kif numru kbir ta’ passiġġieri qed jerġgħu jibżgħu isiefru kawża tal-mewġa l-ġdida tal-Covid-19.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sostna mal-ġurnal Times of Malta li l-ewwel kwart tas-sena 2022 jidher li se jkun wieħed diżastruż għall-ivjaġġar bl-ajru. Huwa insista li t-taħwid u kontradizzjoni fl-informazzjoni li qed toħroġ lill-popli Ewropej b’restrizzjonijiet kunfliġġenti qed taffettwa l-kunfidenza tal-konsumatur – bl-ajruporti u l-linji tal-ajru jsofru l-akbar daqqa sforz deċiżjonijiet meħuda b’għaġla.
Minkejja li żmien il-vaganzi huwa wieħed li jġib miegħu ħafna traffiku lejn l-ajruport Malti, ġie spjegat li ż-żieda riċenti fil-każi ta’ Covid-19 , kemm f’pajjiżna kif ukoll lil’hinn minn xtutna qed tixħet toqol fuq irkupru li tant hawn bżonnu.
Dan filwaqt li l-linja tal-Ajru Nazzjonali Air Malta rreġistrat mal-elfejn kanċellazzjoni u talba għal rifużjoni tal-biljetti…f’dan ix-xahar biss…b’elfejn oħra matul ix-xahar ta’ Novembru. Ġie spjegat li mill-bidu tal-pandemija, Air Malta rċeviet mat-tlett mitt elf talba ta’ din ix-xorta għal valur li jlaħħaq madwar €32 miljun.
Kelliema għal-linja tal-ajru nazzjonali saħqu li l-imxija tal-varjant Omicron u ż-żieda drastika fil-każi qed tissarraf f’domanda ferm baxxa għall-ivjaġġar għax-xhur ta’ Jannar u Frar u għalhekk sabiex ma jkunx hemm flights li jaħdmu prattikament vojta, Air Malta kellha tikkanċella uħud minn dawn it-titjiriet fl-ewwel xahrejn tas-sena.
L-istess sentiment inevitabbilment qed jinħass mill-operaturi tal-ivvjaġġar fejn ġie spjegat li l-bqija tas-settur jinsab lest għal bidu ta’ sena ġdida ferm kwieta.