Lokali

L-Istrina: Għaqda u Ġenerożità

“Illum huwa l-jum fejn insarrfu l-għożża tagħna f’azzjoni biex intejbu ħajjet xulxin” – Bernard Grech

F’messaġġ qasir li għadda fil-ftuħ tas-26 edizzjoni tal-Istrina, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddeskriva din il-ġurnata bħala dik li fiha insarrfu dik l-imħabba u l-għozza li għandna għal xulxin f’azzjoni permezz tad-donazzjoni tagħna biex ngħinu ntejbu ħajjet xulxin.

Akkumpannjat mis-sinjura Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wassal dan l-appell tiegħu qabel ma ħa postu flimkien ma’ martu biex għal xi ħin jieħdu t-telefonati tal-Maltin li jkunu qed jagħmlu d-donazzjoni tagħhom.

Minbarra Bernard Grech, fil-ftuħ tal-maratona għaddew il-messaġġi tagħhom ukoll Monsinjur Arċisqof u l-President ta’ Malta George Vella.

Monsinjur Charles J Scicluna fl-appell tiegħu fakkar li kull qatra li nagħtu llum tgħin llil min qed ibati u li kull donazzjoni hija bħal qatra ta’ ilma ħelu f’oċean ta’ mrar.

Minn naħa tiegħu, il-President Vella li flimkien ma’ martu qed jingħaqdu ma’ din il-maratona b’mod virtwali minħabba li jinsabu fi kwarantina, qal li biex wieħed verament jifhem f’inhu l-iskop ta’ l-Istrina, irid ikellem lil xi ħadd li fl-imgħoddi ġie bżonn l-għajnuna tal-Community Chest Fund. Dan filwaqt li appella għall-ġeneroiżità.