Lokali

AĠĠORNATA: Imut ir-raġel li kien weġġa’ fil-Marsa; għal xi jiem kien irrappurtat nieqes

Tilef ħajtu r-raġel ta’ 39 sena li l-ġimgħa li għaddiet waqa’ minn għoli f’fabbrika fil-Marsa. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija t-Tnejn filgħaxija.

Ir-raġel Somalu, kien qed jinstalla l-pannelli fotovoltaiċi meta waqa’ għoli ta’ madwar sular u nofs.

Ir-raġel baqa’ ma ġiex identifikat wara l-inċident. Saħansitra, it-Tnejn waranofsinhar il-Pulizija ddikjaratu nieqes u appellat lin-nies biex tinfurmaha f’kas li jkollha informazzjoni dwaru. F’dik l-istqarrija, il-Pulizija qalet li l-aħħar li deher ir-raġel kien fl-20 ta’ Diċembru f’Birżebbuġa. Iżda huwa kellu l-inċident fit-22 ta’ Diċembru.

Dakinhar hu ġie ċċertifikat fil-periklu tal-mewt.

Dak li ttella’ qabel:

It-Tnejn waranofsinhar il-Pulizija jagħmlu skoperta kemmxejn kerha, hekk kif ir-raġel Somalu ta’ 39 sena li kien qed jiġi mfittex aktar kmieni mill-Pulizija, irriżulta li kien diġa miet fl-Isptar Mater Dei.

Dan hekk kif Ahmed Adawe Diriye, li huwa residenti Birżebbuġa, huwa l-istess Somalu li aktar kmieni llum iddaħħal l-Isptar Mater Dei wara li ġarrab ġrieħi serji fuq il-post tax-xogħol.

Aktar kmieni llum, il-Pulizija ħarġet talba sabiex jinstab Ahmed Adawe Diriye, hekk kif kien ilu ma jidher għal dawn l-aħħar jiem. Preċiżament l-aħħar darba li Diriye deher kien f’Birżebbuġa stess fl-20 ta’ Diċembru.

Il-qraba ta’ Ahmed Adawe Diriye kienu qed jappellaw biex min possibilment għandu xi informazzjoni dwar Diriye jgħadduha lilhom jew lill-Pulizija hekk kif ilhom ma jkollhom kuntatt miegħu sa mill-21 ta’ Diċembru.

Ħuh qal li Diriye kien jagħmel kuntatt regolari ma’ martu u ħutu u b’hekk din l-imġieba hi waħda ta’ tħassib. Jidher li dan kien pjanat li jmur lura art twelidu, is-Somalia biex jieħu ħsieb lill-ommu li tinsab ma tiflaħx.

Madankollu, dan ma kellhux ikun hekk kif wara l-investigazzjoni tal-Pulizija, jidher li Diriye kien diġa mejjet fi ħdan Mater Dei.

Il-Pulizija tirringrazja lill-kull min għen f’din l-investigazzjoni.