Edukazzjoni Lokali

Il-Ministru Clifton Grima għandu mażra m’għonqu bi Frank Fabri – UPE

Il-Union tal-Edukaturi Professjonisti, il-UPE fl-ewwel reazzjoni tagħha għall-ħatra ta’ Clifton Grima bħala Ministru tal-Edukazzjoni, qalet li Grima għandu xkiel kbir meta għad għandu miegħu lil Frank Fabri. Dan meta s-Segretarju Permanenti Ewlieni qed jirriffjuta li jissospendih sakemm ikun investigat. Xi ħaġa li hija skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni Għas-Servizz Pubbliku.

Fabri sab ruħu f’nofs skandlu meta awtorizza l-impjieg ta’ Daniel Bogdanovic, is-sieħeb tal-eks Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana, fl-istess Minsteru tagħha. Bogandovic ingħata impjieg li fuq medda ta’ tliet xhur kien se jqallgħu €15,000 – jew ftit inqas minn sena paga ta’ LSE jew daqs tliet kwarti ta’ sena paga ta’ għalliem.

Il-UPE filwaqt li esprimiet sodisfazzjon li l-Edukazzjoni għandha Ministru ġdid, u filwaqt li qalet li tittama li bħala union li tirrappreżenta l-edukaturi tkun tista’ tibni relazzjoni ta’ xogħol soda mal-Ministru Grima, insistiet li sakemm Frank Fabri jibqa’ fil-Ministeru, il-Ministru mhux se jkun jista’ jaħdem kif suppost.

Il-Union spjegat li sal-lum ma rnexxiliex tibni relazzjoni tajba mal-Ministri varji li kien hemm fil-qasam tal-Edukazzjoni fl-aħħar snin minħabba nuqqas ta’ djalogu soċjali u sens komun.

Sadanittant, dalgħodu stess il-UPE kitbet lis-Segretarju Permanenti Ewlieni, lill-Prim Ministru kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija b’rabta mal-pożizzjoni li huma qed jiddeskrivu bħala mhux tenibbli ta’ Frank Fabri sakemm dan ikun investigat dwar reati kriminali li seta’ wettaq.