Ħafna jiddeskrivu s-sena 2021 bħala s-sena li l-Pandemija tal-COVID-19 baqgħet magħna u reġgħet ħarbtitilna ħafna pjanijiet. Madanakollu, għall-Prim Ministru Robert Abela, il-Coronavirus ma kienx l-uniku problema li baqa’ ċass quddiemha… sena oħra li l-aħbarijiet dwar skandli fil-Partit Laburista baqgħu ħerġin. Azzjoni dwarhom, xejn jew ftit li xejn.
Din kenet is-sena li fiha pajjiżna spiċċa fuq il-Greylist tal-Financial Action Task Force. Is-sena li fiha l-Gvern Ingliż poġġa lil Malta fil-lista ta’ pajjiżi ‘High Risk’ fejn jidħol ħasil ta’ flus u finanzjament ta’ terroriżmu. Fl-2021 ħareġ ukoll ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li sab li l-Istat għandu jerfa’ r-responsabbiltà u li l-Istat falla milli jipproteġi lill-ġurnalista. Rapport li tefa’ dawl fuq in-nuqqasijiet gravi tal-amministrazzjoni pubblika li ffavorixxew l-ħolqien ta’ kultura ta’ impunità. Dwar dan kolllu, Robert Abela għamel biss apoloġija iżda baqa’ ma ċaħadx lil Joseph Muscat.. li tiegħu kien konsulent. Fl-aħħar xhur tas-sena rajna wkoll l-Partit Laburista jibqa’ fuq in-naħa ta’ Konrad Mizzi anke fl-iskandlu tal-Electrogas. Mizzi, id-Deputat li żgur għas-sena 2021 se jibqa’ imfakkar għall-‘oral presentation’ tiegħu… li għadha ma spiċċatx.
Il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, il-Ministru tas-Saħħa, li sena ilu kien qalilna li l-Gwerra kontra l-COVID irbaħniha, spiċċa biex daħal f’kontroversja kbira għall-miżuri ġodda li reġa’ daħħal din id-darba biċ-ċertifikat tal-vaċċin u l-użu tal-maksri. Dan fl-istess sena, li komplejna nħallsu l-miljuni lil Steward Healthcare li m’huma jtuna xejn lura. Jammetti li hemm problemi bid-deal u jħallih fis-seħħ. Mhux talli hekk, talli żied in-nefqa għal 70 miljun fis-sena.. żieda ta’ 20 miljun, għalxejn.
Il-Ministru Owen Bonnici, ħa ħsieb il-liġi tal-Kannabis li l-Prim Ministru ried idaħħal. Baqgħu għaddejin romblu minn fuq kulħadd, saħansittra minn fuq aktar minn 50 għaqda li taħdem fis-settur u li appellat lill-Gvern biex ma jdaħħalx din il-liġi.
Justyne Caruana, irriżenjat darbtejn f’leġiżlatura waħda. L-ewwel minħabba r-raġel tagħha u eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta wara li nkixxfu relazzjonijiet mill-qrib ma’ Yorgen Fenech. U issa, reġgħet telqet wara li tat kuntratt ta’ 15,000 Ewro lil ħabib tagħha Daniel Bogdanovic biex iwettaq xogħol li l-anqas biss għamel. Hi instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika filwaqt li anke hemm lok ta’ investigazzjoni kriminali li tista’ twassal għal sentenza ta’ ħabs. Filwaqt li l-Prim Ministru ma keċċijiex, hi rriżenjat u mhux se tikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li ġejja.
Il-Ministru ta’ wara l-falliment tal-mechanism ta’ Julia Farrugia, Clayton Bartolo affaċċja kritika qawwija għal mod li bih mexxa s-settur matul is-Sajf li għadda. Sajf fejn minn ebda każ ta’ Coronavirus, imtlejna bil-każi wara n-nuqqas ta’ pjanar ta’ Bartolo u wara l-kontroversja li nqalgħet bl-istudenti tal-Ingliż.
Mis-settur li tmexxi Miriam Dalli, matul l-2021 ħarġet il-konferma li aktar minn 50% tal-poplu Malti qed jinsteraq minn kull kont tad-dawl li jirċievi. Is-soluzzjoni għal din l-anomalija għadha sal-lum ma nstabitx u għadna sal-lum ninsterqu. Aktar minn 50 miljun f’temp ta’ 8 snin. Filwaqt li l-Partit Nazzjonalista wiegħed biċ-ċar li Gvern ġdid Nazzjonalist jrodd il-flus kollha lura, il-Labour iddikjara li mhu se jagħtina xejn minn dak li ħallasna u għadna qed inħallsu żejjed.
Il-Ministru Ian Borg, tħalla jkompli jonfoq il-miljuni fi proġetti tat-toroq li mal-ewwel maltempata jgħerqu. Dan filwaqt li baqa’ ma solviex il-problema dejjem tikber tat-traffiku f’pajjiżna. Qaċċat is-siġar biex għamel spazzju għat-tarmac li xorta ħalliena bl-istess problemi fit-toroq. Affaċċja wkoll kontroversja għal mod kif irid jibqa; għaddej gaffa minn fuq kulħadd dwar il-Yacth Marina f’M’Skala.
Is-senserija ta’ Rosianne Cutajar fuq deal ta’ propjetà fl-Imdina li fiha kien involut l-allegat kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Cutajar ħadet 9,000 Ewro għaliha li ma ddikjaratx. F’Lulju hi instabet ħatja ta’ ksur ta’ etika u warrbet mill-Kabinett tal-Labour iżda tibqa’ membru parlamentari tal-Gvern.
Edward Zammit Lewis inkixef li baqa’ f’kuntatt kontinwu ma’ Yorgen Fenech anke wara li sar magħruf li hu kien sid il-kumpanija 17 Black. Kumpanija li minnha Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu se jieħdu 5,000 Ewro kuljum. F’chats twal, il-Ministru tal-Ġustizzja għajjar lill-Laburisti u tagħhom diversi aġġettivi fosthom “ġaħan”.. b’Robert abela jibqa; jiddefendih u jħallih fil-Kabinett.
Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri, jibqa’ jżomm postu anke wara l-ammont kbir ta’ imwiet u stejjer mill-ħabs ta’ Kordin. Għal Clyde Caruana, is-sena 2021 fissret is-sena li qara l-ewwel Budget tiegħu u li minnu ħadna 1.75 żieda għall-għoli tal-ħajja. Problema oħra li Robert Abela baqa’ ma ndirizzax.
Il-Ministru Carmelo Abela, matul l-aħħar xhur affaċċja allegazzjonijiet serji dwar serqa li kienet saret fuq il-bank HSBC. Mhux biss, Carmela Abela jibqa’ jżomm postu fil-Kabinett anke jekk rapport tal-Kummissarju tal-Istandards George Hyzler, sab li Abela għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi, b’kampanja ta’ reklamar li qabżet is-7,000 Ewro mit-taxxa tagħna.
Id-Deputat Ian Castaldi Paris, apparti messaġġi ma Yorgen Fenech, inkixfulu wkoll €300,000 f’taxxa mhux imħallsa u multi. Ma rriżenjax imma mhux se jikkontesta l-elezzjoni li jmiss. Matul l-2021, il-Labour kellu ħafna riżenji mill-Parlament, fosthom Gavin Gulia li minuta biss wara l-ġurament tiegħu rriżenja. Fl-aħħar jiem smajna kif irriżenja Silvio Grixti. Dan fl-istess sena li sirna nafu kif qabel ma rriżenja, Edward Scicluna ta’ żieda fil-paga tal-irwol li ħa ftit wara hu stess.. qed jitħallas 100,000 Ewro fis-sena.
Kważi ironoka, jekk mhux traġika, li fid-dawl ta’ dawn l-istejjer kollha, il-PBS ftit li xejn jagħti stampa ċara tas-sitwazzjoni fil-Kabinett ta’ Robert Abela filwaqt li jibqa’ jiċċensura ħafna mill-messaġġi pożittivi u l-proposti tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>