Lokali Sport

L-NAO kien sab nuqqasijiet serji

Il-proġett tan-National Shooting Range f’Ta’ Kandja

Il-Ministru tal-Edukazzjoni l-ġdid, bħal sħabu kollha tal-Kabinett, m’huwiex nieqes minn kontroversja li affaċċja matul l-aħħar snin.

L-ikbar kontroversja li affaċċja Clifton Grima waqt li okkupa l-irwol ta’ Segretarju Parlamentari taħt il-Ministeri ta’ Owen Bonnici u Julia Farrugia Portelli, bla dubju kienet iddur mal-proġett tax-Shooting Range f’Ta’ Kandja.

Filfatt, l-NAO sab nuqqasijiet kbar fil-proġett tal-Malta National Shooting Range li skont SportMalta kien dovuti l-aktar għal nuqqas ta’ kapaċità amministrattiva… nuqqas li għalih, il-poplu Malti ħallas miljuni żejda li ħafna minnhom ħarġu f’direct orders mid-dekastertu ta’ Clifton Grima.

L-NAO sab ukoll, li għal dan il-proġett li sewa madwar 11-il miljun Ewro, ġew innutati kontrolli interni dgħajfa u kwistjonijiet varji fir-rigward tal-kwotazzjonijiet.

Din il-kwistjoni, li fiċ-ċentru tagħha kien hemm il-Ministru l-ġdid tal-Edukazzjoni, bdiet meta l-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali żvela li proġett ta’ aktar minn €11-il miljun ma kienx kopert bid-dokumentazzjoni meħtieġa… lanqas ma kienu segwiti l-proċeduri meħtieġa.

Meta mistoqsija dwar dan kollu, il-membri tal-Gvern baqgħu jgħidu li dan il-proġett twettaq fi żmien qasir sabiex Malta tkun tista’ tospita it-Tazza tad-Dinja tal-Isparar. Ġabu l-iskuża li n-nuqqasijiet kienu għaliex SportMalta ma kelliex ħafna żmien biex twettaq ix-xogħol.

Fiċ-ċentru ta’ dan il-proġett kien hemm Clifton Grima u l-konsulent tiegħu, illum kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni Ġenerali, Chris Bonnet li fi żmien fejn inbeda l-proġett u bdew ħerġin id-direct orders, kien qed imexxi SportMalta. Is-soluzzjoni li ħarġu biha kienet li se jimplimentaw r-rakkomandazzjonijiet tal-NAO għal proġetti futuri… iżda ħadd ma refa’ responsabiltà tat-taħwida li għamlu f’Ta’ Kandja fuq proġett li seta sewa lill-poplu Malti ħafna inqas.

Intant, Net News hu infurmat li għalkemm intefqu 11-il miljun, waħda mix-shooting ranges f’Ta’ Kandja għadha mhux qed tintuża. Mistoqsija dwar dan, kemm Owen Bonnici u Julia Farrugia, li taħtom kien jaqa’ Clifton Grima, jew ħarbu milli jwieġbu jew inkella qalu li instabu xi ħsarat… ħsarat li issa ilhom ix-xhur… mingħajr spjegazzjoni adekwata.