Basketball Sport

Malta tirbaħ id-dritt mill-FIBA biex torganizza l-Kampjonat Ewropew għall-Pajjiżi ż-Żgħar 2022

Sena qabel il-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa – Malta 2023, il-Malta Basketball Association ingħatat id-dritt mill-FIBA biex torganizza l-Kampjonat Ewropew għall-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2022.

Kampjonati li fihom jiehdu sehem pajjiżi mill-Istati Żgħar tal-Ewropa u li għandhom iservu wkoll ta’ preparazzjoni għat tim Malti għal Logħob tal-2023

Fi stqarrija, FIBA ħabbret li l-kampjonati se jsiru bejn it-28 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju fil-Padiljun tal-basketball f’ Ta’ Qali.

Il-Kampjonati Ewropej tan-Nisa tal-FIBA għall-Pajjiżi ż-Żgħar se jsiru f’Nicosia , Ċipru . Iż-żewġ kompetizzjonijiet se jintlagħbu bejn it-28 ta’ Ġunju u t-3 ta’ Lulju, 2022.

Filwaqt li l-indikazzjonijiet huma li t-tournament ikun ikkontestat bejn sitta sa tmien pajjiżi, l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 jista’ jaffettwa min jattendi f’Malta għal dawn il-kampjonati.

Il-kampjonati din is-sena saru f’Dublin, l-Irlanda wara li originarjament kellhom isiru fl-2020 iżda l-ewwel ġew ikkanċellati u mbagħad posposti minħabba l-pandemija.

F’Dublin, kienu l-Irlanda li rebħu l-midalja tad-deheb għat-tieni darba fl-istorja tagħhom. Andorra ħadu l-midalja tal-fidda qabel it-tim nazzjonali ta’ Malta li kellu jikkuntenta mal-midalja tal-bronż.

Malta fl-2018 kienet rebħet il-midalja tad-deheb fit-tournament li sar f’San Marino .