L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija ta’ Ħal Luqa, permezz tal-presepjisti tagħha, f’dawn iż-żminijiet ta’ festi fis-sede tagħha f’Misraħ il-Knisja qed tesebixxi presepju, bix-xena tan-Nattività ta’ Ġesù Bambin tkun ambjentata fil-gżira Għawdxija.
Fil-presepju naraw ix-xena tan-Nattività fuq zuntier tal-Kappella l-antika tal-Madonna ta’ Pinu, li madwarha kien inbena s-Santwarju Bażilika li naraw illum. Fix-xena, il-kappella tagħti għal fuq il-bajja tax-Xlendi, bil-kmamar tas-sajjieda, is-sajjieda max-xatt iħejju għas-sajda tagħhom kif ukoll il-luzzu lest biex jitniżżel mir-rampa għal ġol-baħar. Viżibbli ukoll hija l-istatwa ta’ Sant’Andrija li tiddomina l-bajja tax-Xlendi biswit ir-rampa għad-dgħajjes, liema statwa nħadmet mill-artist Pawlu Muscat, kif ukoll bennej qiegħed itella’ kmajra.
Ix-xogħol artistiku ta’ dan il-presepju sar minn Ray Zammit, Adrian Gatt, Charles Attard, Pierre Vella u Clayton Debono filwaqt li pasturi huma xogħol fit-terracotta ta’ Jesmond Micallef.
Il-wirja ġiet inawgurata nhar is-Sibt 18 ta’ Diċembru li għadda mill-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit, u tbierket mill-Kappillan, il-Kan. Michael Zammit, biex din tibqa’ miftuħa sal-Ħamis 6 ta’ Jannar, bil-ħinijiet tal-ftuħ ikunu mill-5.30pm sat-8.30pm fost il-ġimgħa filwaqt li fil-Ħdud u Festi, il-wirja tiftaħ filgħodu bejn id-9.30am u 12pm kif ukoll filgħaxija mill-5.00pm sat-8.30pm.
Intant, il-presepjisti fl-istess Għaqda qegħdin jesebixxu presepju ieħor b’xeni mill-Belt Valletta fil-Berġa ta’ Kastilja, li fih wieħed jista’ jilmaħ xeni tas-swar tal-Belt, it-tfajjel Ġorġ Sapiano jagħmel l-ewwel prietka tat-tifel minn fuq it-taraġ tal-Kappella tal-Vitorja, lil San Ġorġ Preca kif ukoll ix-xena tan-Nattività biswit it-Teatru l-Imwaqqa’.
L-Għaqda Mużikali Sant’ Andrija hija friska mis-suċċess li kisbet is-sena l-oħra fir-rebħ tal-kompetizzjoni tal-presepji biex il-presepju tagħha issa qed jiġi esebit b’mod permanenti fil-Mużew tal-Bibbja fil-kapitali Amerikana, Washington D.C.
In-Nattività hija ambjentata f’dar Maltija li parti minnha waqgħet matul it-Tieni Gwerra Dinjija u hija riproduzzjoni tal-kwadru tan-Nattività ta’ Giuseppe Cali li tinsab fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Luqa filwaqt li d-dar biswita hija replica ta’ dar fl-Imdina, biex turi l-arkitettura tradizzjonali Maltija.
//= $special ?>