Lokali

Tinġabar is-somma ta’ €5,845,000 waqt l-Istrina

Tinġabar somma sabiħa  ta’ aktar minn €5,845,00 waqt l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Maratona l-Istrina, li nżammet sa tard il-Ħadd filgħaxija.

Għal sena oħra, din il-Maratona nżammet fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u nfetħet mill-President ta’ Malta George Vella li kien akkumpanjat mis-sinjura tiegħu b’mod virtwali – kif ukoll mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u s-sinjura Anne Marie Grech, kif ukoll fost oħrajn l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna.

F’diskors li għamel fl-għeluq tal-maratona, il-President George Vella stqarr li kien jinsab emozzjonat u ferħan għax minkejja iċ-ċirkostanzi ferm differenti li ninsabu fihom bħalissa, irnexxilha tinġabar somma sabiha.

Huwa rringrazzja wkoll lil kull min għen b’xi mod jew ieħor sabiex ġiet organizzata din il-maratona filwaqt li rringrazzja wkoll lil kull min ta d-donazzjoni tiegħu matul it-tnax-il siegħa u mhux biss.

Din kienet is-26 edizzjoni tal-Istrina, edizzjoni li ġiet deskritta b’mod simpatiku bħala dik tal-‘Lucky Birthday’.