Edukazzjoni Lokali

Wara t-tluq ta’ Justyne Caruana: Clifton Grima jinħatar Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport

Permezz ta’ stqarrija kmieni dalgħodu l-Gvern ħabbar li Clifton Grima nħatar bħala l-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport wara r-riżenja ta’ Justyne Caruana.

Wieħed tajjeb li jiftakar li tliet ijiem qabel il-Milied wara ġimgħat ta’ pressjoni qawwija Justyne Caruana rreżenjat minn Ministru għall-Edukazzjoni – it-tieni darba li kellha tirriżenja mill-Kabinett f’leġiżlatura waħda.

Fi stqarrija qasira l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien ħabbar li Caruana tat ir-riżenja tagħha lill-Prim Minsitru, liema riżenja huwa aċċetta. Dan hekk kif minħabba li ma kienx kapaċi huwa nnifsu li jkeċċiha minn Ministru, wara r-rapport kundannabbli tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, issa spiċċat irriżenjat hi…waqt li l-iskejjel jinsabu għarkuptejhom għax ma jafux x’se jkun qiegħed jiġri minnhom fil-ġimgħat li ġejjin.

Dan kollu wara li r-rapport ta’ George Hyzler ikkundanna l-kuntratt deskritt bħala wieħed abużiv u li kiser il-kodiċi ta’ etika, li ngħata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni lis-sieħeb ta’ Justyne Caruana, Daniel Bogdanovic. Kuntratt li minnu l-eks futboler daħħal €15,000.

Fir-rapport intqal kif il-pulizija għandha dmir tinvestiga dan il-każ permezz ta’ investigazzjoni kriminali – b’offiżi li jistgħu jwasslu saħansitra għal piena massima ta’ sitt xhur priġunerija.

Fuq il-midja soċjali, Caruana saħqet li mhux se tkun qed tikkontesta l-elezzjoni ġenerali li jmiss filwaqt li attakkat ir-rapport ta’ George Hyzler u saħqet li se tkun qed tikkontestah skont il-liġi.

Minkejja l-aħħar r-riżenja tagħha minn Ministru hija xorta waħda għażlet li tibqa’ ggranfata mas-siġġu parlamentari tagħha.

Intant lill-Ministru l-ġdid Clifton Grima, f’Settembru li għadda konna saqsejnih jekk dwar il-kriżi tal-għalliema… li għadha sal-lum tippersisti… iżda huwa dak iż-żmien kien ħareġ għonqu għall-Gvern…

Dan kien il-mod li bih wieġeb lil Net News dak li llum huwa l-Ministru l-ġdid… b’ħafna issa jistaqsu… jekk dan l-atteġġjament hux se jinbidel, u jekk il-Ministru tal-Edukazzjoni hux se jħares l-interessi tal-Edukazzjoni f’pajjiżna… qabel l-interessi tal-Gvern tal-Labour u sħabu fil-kabinett.