Internazzjonali

Covid-19: Franza żżid ir-restrizzjonijiet fost l-ispinta tal-Omicron

L-awtoritajiet fi Franza ħabbru li qed jimplimentaw il-miżuri dejjem aktar stretti b’relazzjoni mal-pandemija u fost it-tħassib kbir dwar il-firxa rapida tal-varjant Omicron – magħruf ukoll bħala ‘il-virus Afrikan’.

Mit-3 ta’ Jannar, il-Franċiżi kollha ‘li jistgħu’ iridu jwettqu l-jum tax-xogħol tagħhom b’sistema ta’ remote working u l-laqgħat pubbliċi fil-pajjiż se jkunu limitati għal 2,000 fir-rigward tal-avvenimenti li jsiru fuq ġewwa.

Dan kien ikkonfermat wara li Franza rreġistrat ‘il fuq minn 100,000 infezzjonijiet ġodda nhar is-Sibt – biċ-ċifra tkun l-ogħla fil-pajjiż għal jum wieħed mill-bidu tal-pandemija.

Madankollu, il-Prim Ministru Franċiż, Jean Castex, ma ħabbar l-ebda curfew jew ‘limitazzjonijiet speċjali’ għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena.

Fl-istess ħin, iżda, il-pajjiżi kollha tal-Ewropa qed jinsistu b’restrizzjonijiet ġodda għall-movimenti tan-nies fost iż-żieda fl-infezzjonijiet bil-Covid. Dan meta l-varjant Omicron qed ‘javvanza bħal ħuġġieġa’ minn tarf sa tarf tal-kontinent.

U għalkemm l-Omicron jidher li qed iħalli effetti anqas mill-infezzjonijiet bil-varjant Delta ( tal-Covid), hemm ukoll il-biża’ li n-numri tal-infettati li qed jiżdiedu b’mod inkredibbli kapaċi jimponu ‘piż impossibbli’ għall-isptarijiet u s-servizzi tas-saħħa.

Il-Prim Ministru Castex qal li l-pandemija ‘qed tfakkru f’film mingħajr tmiem’. Hu qal dan waqt li kien qed jiddettalja l-miżuri tas-sigurtà ġodda waqt laqgħa ‘ta’ kriżi’ għall-Kabinett Franċiż. Min-naħa tiegħu, il-Ministru Franċiż għas-Saħħa, Olivier Veran, qal li l-infezzjonijiet bil-coronavirus qed jirduppjaw ‘ma’ kull jumejn’ filwaqt li wissa dwar ‘mewġa straordinarja ta’ każi ( ta’ infezzjoni)’ fil-ġranet li ġejjin.

In-nightclubs fi Franza, għalissa, se jibqgħu magħluqin, bil-kafeteriji u l-bars se jkunu jistgħu jservu biss lin-nies li jkunu bil-qiegħda mal-imwejjed. L-ilbies tal-maskri qed ikun infurzat bir-reqqa fiċ-ċentri tal-ibliet waqt li l-Gvern Franċiż qed jillimita ż-żmien bejn it-tilqim ‘booster’ u l-aħħar vaċċinazzjoni minn erba’ għal tliet xhur.