Diċembru 2019 – eżatt sentejn ilu – ix-xahar li fih, il-ħajja tagħna lkoll inbidlet kompletament.
Kien f’Diċembru ta’ sentejn ilu, ftit jiem biss qabel il-bidu ta’ sena ġdida, meta bdew jaslulna aħbarijiet xejn sbieħ miċ-Ċina – ferm ‘il bogħod minn Malta, iżda xorta ta’ tħassib.
Fiċ-Ċina fil-fatt…kien feġġ virus qattiel, li beda jinkwieta lill-esperti tas-saħħa madwar id-dinja kollha.
Eżatt sentejn ilu, il-belt Ċiniża ta’ Wuhan minn fejn oriġina il-Covid, tpoġġiet f’lockdown. Filwaqt li d-dinja baqgħet għaddejja bil-festi tal-Ewwel tas-Sena qisu xejn mhu xejn. Biex imbgħad, sal-aħħar ta’ Jannar 2020, l-Organizzazjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat stat ta’ emerġenza globali.
Miċ-Ċina għall-Ewropa
F’Jannar 2020 ġew reġistrati l-ewwel żewġ każi fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja. U kien propju minn dan il-pajjiż – xahrejn wara – li waslu l-ewwel każi anke f’pajjiżna.
Fil-fatt, fis-7 ta’ Marzu 2020, tifla Taljana u żewġ adulti li kienu btala fi Trento, instabu pożittivi malli rritornaw Malta.
Kien f’dan il-punt meta bdew jizdiedu l-pazjenti fl-isptar, inghalqu l-ajruporti, u ddahhal lockdown parzjali…b’diversi haddiema jaqilbu ghat-teleworking.
Dak iz-zmien, ħafna ħasbu li din kellha tkun kwistjoni ta’ ftit ġimgħat – iżda konna żbaljati.
Id-dinja waqfet – tħassru l-kunċerti, tħassru l-festi, l-Olimpjadi u l-Kampjonati tal-Euro 2020 ġew posposti – u f’Malta kellna l-ewwel vittma, fil-bidu ta’ April ta’ sena ilu.
Il-pandemija ġabet magħha daqqa ekonomika enromi, u kien għalhekk li fis-Sajf tal-2020 ittamajna li tinqaleb il-folja – konna imqarrqa – effettivament, spiċċajna dħalna fit-tieni mewġa tal-Covid-19. Tant li fil-Ħarifa, il-bars inżammu magħluqin…u l-Milied ma kienx dak tas-soltu.
Mal-bidu tal-2021 ħsibna li verament stajna neħilsu mill-Covid; wasal il-vaċċin, in-nies bdew jitlaqqmu, iżda waslet ukoll it-tielet mewġa tal-Coronavirus minħabba diversi varjanti li bdew ifeġġu – bil-każijiet, sa Marzu, ikomplu jisparaw ‘il fuq.
Sajf li deher kważi “normali”
Ġunju 2021. Ix-xahar li fih mill-ġdid deher xaqq ta’ tama. Kellna Sajf li offra festa ta’ futbol. Segwejna l-Olimpjadi. Ħafna ma ddejqux jerġgħu jibdew jivjaġġaw. Il-vaċċin kien ġab tama ġdida…għalkemm ftit wara bdejna nisimgħu li lanqas dan ma kien biżejjed. U kienet meħtieġa t-tielet doża, magħrufa bħala booster.
Illum, sentejn wara, qed naraw li għadna qed nikkumbattu pandemija li ġabet magħha varjan ġdid li jinfirex b’saħħa akbar – il-varjant Omicron. Filwaqt li f’pajjiżna, fil-jiem tal-festi, litteralment splodew il-każi ġodda ta’ Coronavirus; fatt li qed iħasseb mhux ftit lill-esperti tas-saħħa tagħna, u li jitfa’ piż ġdid fuq il-frontliners li ilhom 24 xahar jikkumbattu din il-kriżi medika.
Il-verita’ hi, li l-Covid-19 ġab miegħu pandemija li kienet bħal maltempata fuqna lkoll. Kollox inbidel. L-affarijiet li konna nieħdu ovvji, ma stajniex nibqghu naghmluhom – li tgħannaq lill-għeżież tiegħek. Li tissocjalizza u tiltaqa’ man-nies b’mod liberu. Li ssiefer u ticcaqlaq minn post ghall-iehor. Spiċċa kollox – u spiċċajna nixxenqu u nixtiequ dak kollu li dejjem hadna for granted. Bit-tama li xi darba kemm jista’ jkun malajr, dan l-għawġ jgħaddi minn fuqna u nqumu għal kapitlu ġdid fl-eżiztenza tal-pjanet tagħna.
Minjaf, forsi il-Milied li jmiss inkunu tassew qed niċċelebrawh b’mod normali.
//= $special ?>