Futbol Sport

Gowl ta’ Ademola Lookman jagħti t-tieni telfa tal-istaġun lil Liverpool

(Ritratt: EPA)

Fil-King Power Stadium Leicester ħasdu lil Liverpool hekk kif għelbuwhom bl-iskor ta’ 1-0. B’din it-telfa Liverpool issa jinsabu sitt punti ‘l bogħod mil-leaders Man City fil-ġlieda għar-rebħ tal-kampjonat. Liverpool kienu viċin li jiftħu l-iskor fis-16-il minuta meta Wilfred Ndidi deher iwaqqa’ lil Mohammed Salah fil-kaxxa, bir-referee jordna penalty. Madanakollu, mill-ħdax-il metru Salah ra x-xutt tiegħu salvat minn Kasper Schmeichel, bit-tieni tentattiv tiegħu jaħbat mal-lasta. Leicester marru fil-vantaġġ fid-59 minuta meta wara kontrattakk veloċi, kien Ademola Lookman li b’konklużjoni preċiża għeleb lil Alisson għal 1-0, b’dan il-gowl ikun biżejjed biex jagħti tliet punti importanti lit-tim ta’ Brendan Rodgers.

Southampton komplew juru titjib bi dro diffiċli, 1-1, ma’ Tottenham Hotspur f’St Mary’s Stadium. Dan meta d-difiża tas-Saints uriet sens kbir ta’ organizzazzjoni u dixxiplina wara li t-tim spiċċa b’għaxar plajers bit-tkeċċija ta’ Mohammed Salisu fid-39 minuta. Is-Saints kellhom bidu mill-aqwa meta James WARD-PROWSE (25) ikkontrolla ballun diffiċli qabel venven xutt qawwi li ma ta l-ebda ċans lill-gowlkiper Hugo Lloris.Iżda tnax-il minuta wara waslet it-tkeċċija ta’ Salisu għal fawl fuq Son Heung-min fil-kaxxa – u bir-referi isaffar penalty. Inkariga ruħu mill-ħdax il-metru Harry KANE (41) li għamilhom 1-1; b’din ikun anki t-tielet logħba konsekuttiva fejn Kane niżżel ismu mal-lista ta’ skorers. Tottenham ħarġu determinati għat-tieni taqsima u kellhom żewġ ‘gowls’ imħassrin fi spazju ta’ ftit minuti. Dan meta Kane inqabad fin-nasba tal-offside ( u fuq deċiżjoni tal-VAR) u meta l-gowlkiper tas-Saints, Fraser Forster, spiċċa jagħmel awto-gol u bir-referi jiddeċiedi li Forster kien spiċċa fawljat minn Matt Docherty waqt l-azzjoni. Sadanittant, ir-riżultat finali, 1-1, ifisser li Antonio Conte sar l-ewwel manager ta’ Tottenham fl-istorja li ma tilifx darba fl-ewwel seba’ logħbiet tiegħu fil-kampjonat. Dan mindu l-istess Conte ħa t-tmun tal-klabb wara t-tkeċċija, f’Novembru, tal-eks manager Portugiż Nuno Espirito Santo.

Crystal Palace telgħu fid-disa’ post tal-Premier League Ingliż wara rebħa faċli, 3-0, fuq Norwich City f’Selhurst Park. Il-logħba kienet prattikament mitmuma fl-ewwel taqsima, b’Palace jidħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ tliet gowls skurjati minn Odsonne EDOUARD (fit-tmien minuta, minn penalty); Jean-Philippe MATETA (38) u Jeffrey SCHLUPP (42). Il-Canaries, li mill-ġdid iddiżappuntaw ferm fl-attakk, marru qrib minn Jacob Sorenson waqt li Sam Byram ra l-header tiegħu iħakkek mal-lasta fil-ħin miżjud – u meta l-logħba kienet ilha mirbuħa u mitlufa. B’dan ir-riżultat Norwich huma kkundannati li jtemmu l-aħħar tas-sena fil-qigħ tal-Premier Ingliż u meta, huma, s’issa għandhom biss għaxar punti minn dsatax-il logħba.

West Ham United temmew sekwenza ta’ riżultati negattivi b’rebħa tajba, 4-1, fuq Watford f’Vicarage Road. Il-Hammers, qabel, kienu rebħu darba biss f’seba’ logħbiet u huma sabu ruħhom fi żvantaġġ wara biss erba’ minuti meta Emmanuel DENNIS sab ir-rokna tax-xibka b’xutt li ma jaħfirx. Il-gowl ta spinta lil West Ham li wieġbu b’żewġ gowls fi spazju ta’ żewġ minuti – b’Tomas SOUCEK (27 ) jirċievi mingħand Jarrod Bowen biex jagħmel l-iskor 1-1 u b’Said BENRAHMA (29) jitfa’ lill-Hammers fil-vantaġġ b’xutt li xxellef għal ġewwa minn ma’ difensur. Il-Hammers, imbagħad, issiġillaw il-punti wara li ngħataw penalty – għall-fawl fuq Bowen fil-kaxxa – b’Mark NOBLE (58) mill-ġdid jegħleb lil Bachmann mill-ħdax-il metru. Intant, Jarrod Bowen – bla dubju il-plejer tal-logħba – kien involut ukoll fir-raba’ gowl għal West Ham, meta, sekondi mit-tmiem, għadda ballun perfett lil Nikola VLASIC (92) li ma kellux diffikultà biex jiskorja l-ewwel gowl tiegħu għall-klabb ta’ Londra.

PREMIER LEAGUE

Ilbieraħ: Newcastle v Man Utd 1-1 Illum: C. Palace v Norwich 3-0, Southampton v Tottenham 1-1, Watford v West Ham 1-4, Leicester v Liverpool 1-0 Għada: Chelsea v Brighton 8.30pm, Brentford v Man City 9.15pm