Ekonomija Lokali

Id-dejn ta’ pajjiżna sploda f’sentejn; sitwazzjoni deskritta bħala ‘mhux sostenibbli’

Sitwazzjoni li m’għadhiex sostenibbli.

Hekk qed jiddeskrivu dik li hi l-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna hekk kif id-dejn sploda bi €3,000,000,0000 f’temp ta’ sentejn biss.

Il-finanzi tal-Gvern jinsabu fi ‘freefall’ skont esperti f’dan il-qasam, li analizzaw dak li ppubblika l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatisitika.

Fl-aħħar jiem l-NSO qal li l-Gvern kien tella’ d-dejn Nazzjonali bi tliet biljun ewro fl-aħħar 24 xahar.

Minkejja li parti mill-infiq tal-Gvern fl-aħħar xhur mar biex itaffi l-effetti tal-pandemija, minn analiżi aktar profonda iċ-ċifri ppubblikati jindikaw nefqa bla preċedent għal għanijiet oħra. Filfatt, in-nefqa fuq pagi tal-impjegati tal-Gvern għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna qabeż il-€1,000,000,000.

Minbarra din in-nefqa, mill-bwiet tal-poplu Malti fi 11-il xahar ħarġu wkoll mas-€636,000,000 fi ħlasijiet lill-awtoritajiet varji li jinkludu kuntratti ta’ miljuni kbar ta’ ewro li dwarhom il-Gvern qed jirriffjuta li jagħti dettalji, u infiq ieħor f’awtoritajiet li qed iberbqu l-miljuni mingħajr kontroll.

Ekonomisti midħla sew tal-qasam qed ibassru li s-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar, iżda qed jgħidu li dwar din s-sitwazzjoni prekarja mhu se jsir assolutament xejn fid-dawl tal-fatt li fix-xhur li ġejjin il-poplu Malti ser jissejjaħ biex jivvota fl-elezzjoni ġenerali.

Intant hemm tħassib kbir ukoll għal meta pajjiżna jerġa jkun taħt l-sikrutinju tal-Unjoni Ewropea li kienet qed tagħlaq għajnejha għas-sitwazzjoni tad-djun tal-Istati Membri waqt il-pandemija. Madankollu mill-2023 mistennija tieħu passi iebsa kontra dawk il-pajjiżi li ma jilħqux il-miri mistennija fit-trażżin tal-infiq tagħhom, b’Malta mistennija tkun fost l-ewwel li tkun fil-mira ta’ dawn il-proċeduri minħabba l-isplużjoni fid-dejn Nazzjonali.