Lokali

Il-KSU għadu bla tweġiba dwar kif se jsiru l-eżamijiet ta’ Jannar

F’post imtella’ fuq il-paġna ta’ Facebook, il-Kunsill Studenti Universitarji qal li filwaqt li qabel il-Festi tal-Milied għamel kuntatt mal-Uffiċċju tar-Reġistratur Akkademiku dwar is-Sessjoni tal-Eżamijiet ta’ Jannar, jidher li għad m’hemmx pjan dwar kif se jsiru dawn l-eżamijiet. Filfatt, il-KSU qal li huwa ġie infurmat li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-KSU saħaq li b’numru kbir ta’ studenti li bħalissa jinsabu fi kwarantina obbligatorja, u biż-żieda konsistenti fil-każijiet, bla dubju din il-kwistjoni se tibqa’ tippersisti fil-perjodu tal-eżami.

S’issa jidher li jekk student ikun fi kwarantina obbligatorja waqt li jkun skedat għal eżami, ikollu jagħmel l-eżami bħala first sit f’Settembru. Madankollu, li jkun hemm numru sostanzjali ta’ studenti li jagħmlu dan mhux loġistikament possibbli għall-Università, kif ġie kkonfermat mill-Uffiċċju tar-Reġistratur.

Għall-istudenti li jinsabu fl-aħħar sena tal-istudji tagħhom, li jagħmlu l-ewwel eżami f’Settembru huwa inġust u illoġiku. Apparti dan wieħed ma jafx kif se tkun is-sitwazzjoni tal-pandemija f’pajjiżna f’dak iż-żmien. Għalhekk il-KSU qed jitlob li tittieħed azzjoni b’mod immedjat fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, minħabba li r-realtà hi li d-dati tal-eżamijiet qed joqorbu malajr; u l-mod ta’ assessjar fl-aħħar mill-aħħar jiddetermina l-mod li bih l-istudenti se jippreparaw lilhom infushom u jistudjaw.

Barra minn hekk, il-KSU qal li dawn ir-regolamenti jistgħu jinkoraġġixxu lill-istudenti sabiex jattendu għall-eżamijiet ta’ Jannar waqt li jkunu morda; u konsegwentement jiksru r-regolamenti tal-COVID-19 u jipperikolaw s-sigurtà ta’ studenti oħrali jkollhom kuntatt ma’ xulxin. Apparti dan wieħed ma jistax jinsa z-zieda ta’ każi tal-virus li mhux qed jiġu rrapurtati.