Lokali

Il-Union tal-Pulizija rrabbjata għall-mod kif ġew trattati uffiċjali li ntemmilhom il-kuntratt

"Mhux se nħallu lil dawn l-'allat magħżula' jagħmlu li jridu" - MPU

Il-Union tal-Pulizija, tinsab urtata ferm għall-mod kif Kuntistabbli magħrufa bħala Reserved Police Constables li jagħlqilhom il-kuntratt tal-impjieg tagħhom fil-31 ta’ Diċembru ġew mgħarrfa biss illum li dan il-kuntratt mhux se jiġġedded.

Il-Union qalet li l-membri tal-Korp ingħataw biss avviż ta’ tliet ijiem li huma se jsibu ruħhom mingħajr impjieg jew dħul minn nhar il-Ġimgħa li ġej.

L-Istrateġiji, il-Konferenzi tal-Aħbarijiet u l-posts sbieħ fuq Facebook ma jbiddlux il-fatt li uffiċjali tal-Pulizija qed jiġu kkunsidrati qishom laħam mibjugħ mingħajr ma jingħataw id-dinjità dovuta lilhom.

Il-Union qalet li mhux se tippermetti lil dawk li jaħsbu li għandhom xi ftit tal-poter jgħaddu romblu minn fuq kulħadd u wegħdet li se tkompli tkun hemm biex tissalvagwardja l-interessi tal-membri tagħha, u mhux se tħalli lil dawk li ddeskriviet bħala ‘allat magħżula’ jaġixxu kif ifettlilhom.