Internazzjonali

Ingilterra: Daħal fil-Kastell ta’ Windsor ‘bil-ħsieb li joqtol lir-Reġina’

Ir-raġel li, fl-għodwa tal-Milied, irnexxielu jidħol fl-artijiet tal-Kastell ta’ Windsor kien qed jhedded ‘li joqtol lir-Reġina Eliżabetta’ bi tpattija għall-hekk-imsejjaħ ‘Massakru ta’ Amritsar’ li kien seħħ fl-Indja f’April tal-1919.

Il-massakru seħħ meta t-truppi Britanniċi fl-Indja kienu qatlu mat-380 persuna mhumiex armati li kienu qed jipprotestaw minbarra li ferew xi 1,200 oħra.

Sadanittant, ir-raġel ta’ 19-il sena – li spiċċa arrestat wara li l-pulizija wieġbu minnufih għall-allert – qed ifisser lilu nnifsu bħala ‘Sith’, li hu karattru tas-sensiela popolari Star Wars. Intant, ir-rapporti qed jgħidu li r-raġel kien armat bi crossbow waqt li kien miexi fl-artijiet tal-kastell, f’Jum il-Milied.

Dan ir-raġel – Jawant Singh Chail ta’ nazzjonalità Indjana  —  kien anki bagħat video-clip fejn jidher, b’wiċċu sfukat, qed iżomm il-crossbow f’idejh u fejn isostni li ‘kellu jipprova joqtol lir-Reġina, bħala l-Kap tal-Familja Rjali Britannika, bi tpattija għall-(imsemmi) massakru’.

Chail, residenti ta’ Southampton, jinstama’ jgħid li l-azzjoni ‘kellha tivvendika lil kulmin spiċċa umiljat u diskriminat minħabba r-razza tiegħu’. Dan meta hu kien bagħat il-video-clip xi 24 siegħa qabel spiċċa arrestat mill-pulizija.

Qed jingħad ukoll li l-aggressur uża sellum tal-ħabel biex jixxabbat ma’ fence tal-metall u jidħol qalb il-ġonna fir-residenza ta’ Winsdor –  f’ħin meta r-Reġina kienet qed tiċċelebra l-Milied flimkien mal-membri tal-familja.