Internazzjonali

Stati Uniti: Deċiżjoni kontroversjali dwar l-iżolament tan-nies infettati bil-Covid

L-Uffiċjali tas-Saħħa Amerikani deċidew li jnaqqsu bin-nofs il-perjodu taż-żmien li persuni morda bil-Covid — u li mhuma juru l-ebda sintomi — jistgħu jdumu fi stat ta’ iżolament. U minkejja l-ispinta fil-każi tal-Covid f’dan il-pajjiż, l-infettati li ma jurux sintomi, issa, jistgħu jibqgħu iżolati għal ħamest ijiem biss minflok għaxra.

Il-miżura mistennija ttaffi l-kumplikazzjonijiet ‘u l-kaos’ li qed jiffaċċjaw il-membri tat-taqsimiet mediċi fil-pajjiż. Dan ukoll meta fl-Istati Uniti, bħalissa, hemm nuqqasijiet kbar fis-settur tas-saħħa wara li numru  ta’ ħaddiema mardu bil-Covid u b’oħrajn jispiċċaw iżolati fi kwarantina.

Is-Centers for Disease Control (CDC) fl-Istati Uniti qal li l-parti kbira tat-trasmissjonijiet bil-Covid ‘qed isiru fil-jumejn ta’ qabel u tlett ijiem wara li jiżviluppaw is-sintomi f’persuna’.

Iżda l-esperti kritikaw ħafna n-nuqqas tal-kriterji għat-testijiet li huma dovuti għat-tmiem tal-perjodi ta’ iżolament inkwistjoni.

Dan meta l-Istati Uniti wkoll qed tara żidiet ‘fenomenali’ tal-varjant Omicron fid-diversi reġjuni u meta dan, issa, sar il-varjant ewlieni tal-Covid fil-pajjiż.