“Pajjiżna wasal f’punt fejn huwa kruċjali li jiżdiedu l-miżuri marbuta mal-pandemija tal-COVID sabiex dan il-virus ma jibqax jinfirex.”
F’ittra lill-Prim Ministru, lill-Ministru tas-Saħħa u lis-Suritendent tas-Saħħa Pubbliku, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba fis-Saħħa Pubblika qed tappella għal iktar responsabbiltà u li jidħlu fis-seħħ miżuri iktar stretti sabiex il-pandemija tal-COVID tiġi taħt kontroll. Dan fl-istess waqt li jiżdied l-għoti tad-dożi tal-booster lill-adulti u t-tilqim fost it-tfal minn 5 snin ‘il fuq.
L-MAPHM saħqet li tixrid mhux kontrollat ta’ dan il-virus jista’ jikkawża pressjoni kbira fuq ir-riżorsi tal-Isptar.
L-Assoċjazzjoni ssostni li kawża tal-varjant Omicron, hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet fuq perjodu qasir sabiex tkun limitata it-trażmissjoni tal-virus u biex l-iskejjel ikunu jistgħu jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara l-vaganzi.
Fost il-miżuri li għandhom jiġu introdotti hemm il-waqfien ta’ attivitajiet tal-massa u avvenimenti soċjali, filwaqt li qed jirrakomandaw li t-tipjip m’għandux jitħalla jsir fi spazji pubbliċi fuq barra peress li dan jippermetti t-tixrid tal-virus meta titneħħa l-maskra.
Apparti dan, l-Assoċjazzjoni tat-Tobba fis-Saħħa Pubblika qed tipproponi li l-perjodu ta’ kwarantina għal persuni pożittivi u dawk li jgħixu magħhom, titnaqqas għal għaxart ijiem. Dan filwaqt li persuni mlaqqma li kellhom kuntatt mill-viċin ma’ persuni pożittivi, għandhom jitqiegħdu fi kwarantina għal 7 ijiem.
Qed jipproponu wkoll li jkun hemm l-użu ta’ self tests fil-komunità filwaqt li jsir aktar investiment fis-Saħħa Pubblika Diġitali. Appelli simili saru wkoll mill-Partit Nazzjonalisa fejn saħaq li għandu jitnaqqas il-perjodu ta’ kwarantna filwaqt li tonqos l-istennija sabiex persuna tagħmel swab test.
//= $special ?>