Tkompli l-mewġa ta’ każijiet ġodda pożittivi, hekk kif fl-aħħar sigħat pajjiżna rreġistra rekord ġdid ta’ każijiet ġodda… 1,337 każ. Dan l-ammont iwassal biex il-każijiet attivi issa jlaħħqu t-8,956.
Is-sitwazzjoni fl-Isptar għadha kważi l-istess bħall-bieraħ hekk kif bħalissa hemm 82 persuna rikoverati fl-Isptar kawża ta’ dan il-virus. b’sitta minnhom jinsabu fit-Taqsima tal-Kura Intensiva.
Tħabbar ukol li fiequ 116-il persuna filwaqt li ma kienet reġistrata ebda fatalità fl-aħħar 24 siegħa.
Sat-Tlieta ngħataw total ta’ 206,611-il doża tal-booster. Minn din il-ġimgħa t-tilqima tal-booster bdiet tingħata lil dawk kollha li għandhom minn 18-il sena ‘l fuq.
Matul il-jum tal-Erbgħa kienu bosta appelli biex il-kwarantina tonqos għal 10 ijiem, fejn fl-eventwalità din tnaqqset għal 10 t’ijiem għal persuni pożittivi u għal dawk f’kuntatt dirett –ġie maħruf ukoll li sal-Ħamus se jkunu tlaqqmu 50% tal-Maltin bil-booster.
Għal iktar informazzjoni dwar it-tibdil fil-perjodu ta’ kwarantina, idħol f’din il-link.
Fi stqarrijiet separati kemm it-tobba fis-saħħa pubblika u kif ukoll il-kamra tal-kummerċ appellaw għal aktar miżuri u ċarezza speċjalment dwar l-għoti tal-vaċċin u l-booster u l-piż li se jkunu qed iġorru n-negozji.
Intant, b’rabta mat-teħid tal-vaċċin, diversi persuni li tkellmu ma’ Net News esprimew ir-rabja tagħhom li damu numru ta’ sigħat jistennew fil-kju sabiex it-tfal tagħhom jitlaqqmu kontra dan il-virus. Fl-aħħar ġimgħat il-Gvern affaċċja kritika qawwija għall-mod kif qed jispiċċaw jinġemgħu ħafna nies sabiex jieħdu t-tilqima kontra dan il-virus.
Espert tas-saħħa li tkellem ma’ Net News stqarr li f’dan il-perijodu ta’ festi kien ikun aktar għaqli kieku t-tilqim ġie estiż għal ħinijiet fit-tul, anke tard bil-lejl, sabiex ma jinġabrux folol ta’ nies flimkien.
Fis-settur edukattiv, b’rabta mal-pandemija tal-COVID, qed tiżdied l-inċertezza dwar jekk l-iskejjel humiex se jerġgħu jiftħu l-bibien tagħhom wara l-vaganzi tal-Milied. Filfatt jidher li fil-jiem li ġejjin il-Ministru l-ġdid tal-Edukazzjoni Clifton Grima se jkollu żewġ laqgħat mal-partijiet kollha involuti. Dan fid-dawl ta’ numru kbir ta’ każijiet ġodda pożittivi li qed ikunu reġistrati ta’ kuljum.
Dwar dan infatti l-MUT saħqet li fis-sitwazzjoni preżenti hija impossibbli li wieħed imexxi u jiftaħ l-iskejjel.
//= $special ?>