Internazzjonali

Hong Kong: Ripressjoni għall-istampa ħielsa

Il-pulizija f’Hong Kong arrestaw membri mlaħħqin tal-istaff ta’ organizzazzjoni tal-media li kienet qed twassal il-messaġġi favur id-demokrazija. Intant, din l-organizzazzjoni, issa. qed tagħlaq fi żmien meta l-awtoritajiet ewlenin f’Hong Kong qed isegwu d-diktat taċ-Ċina komunista kontra l-istampa ħielsa fl-eks kolonja Britannika.

Talanqas seba’ persuni inżammu taħt arrest fost akkużi li kienu ‘parti minn kumplott għal rewwixta kontra l-awtoritajiet lokali’. Intant, kelliema għall-organizzazzjoni Stand News ikkonfermaw, permezz tal-media soċjali, li l-organizzazzjoni qed tagħlaq l-operat b’seħħ immedjat minħabba s-sitwazzjoni. Ir-rapporti qalu li talanqas 200 uffiċjal tal-pulizija ħadu sehem f’rejd fuq l-uffiċini ta’ Stand News u fejn huma mxew skont id-direttivi ‘biex jaħtfu kull materjal ġurnalistiku meqjus bħala relevanti għall-akkużi’.