F’email li jintbagħat ta’ kull ġimgħa s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lill-ħaddiema kollha tas-saħħa li ta’ kuljum qed ikollhom ħafna ostakli fix-xogħol tagħhom minħabba l-imxija tal-Covid-19. Fl-istess messaġġ ingħata radd il-ħajr lil kull min qed jersaq u jagħti d-demm anki f’dawn il-jiem ta’ festi.
Intqal li dan il-ġest ta’ radd il-ħajr qed isir f’isem il-pazjenti li bħalissa qed jiġu rikoverati fl-isptarijiet ta’ Malta u Għawdex u li permezz tal-għotja tad-demm qed ikomplu jirċievu l-kura.
Sadanittant, saret tfakkira li ċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm fi Gwardamanġa jiftaħ 7 ijiem fil-ġimgħa, inkluż f’dawn il-jiem tal-vaganzi, mit-8:00am sas-6:00pm. Fl-ewwel tas-sena, iċ-ċentru jagħlaq fis-1:00pm.
Nhar il-Ħadd, 2 ta’ Jannar, wieħed jista’ jagħti d-demm ukoll fil-Mobile Blood Donation Unit li dakinhar ser ikun fil-pjazza ta’ quddiem il-Knisja Arċipretali tal-Mellieħa mit-8:30am sas-1:00pm.
Dawk li ser jersqu biex jagħtu d-demm iridu jippreżentaw il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan inkella passaport Malti. Dawk li għamlu s-swab test, sew jekk ta’ rutina, sew jekk minħabba safar, huma mitluba biex jistennew sal-waqt li joħroġ riżultat tal-COVID-19 test negattiv biex ikunu jistgħu jagħtu d-demm.
Kien mgħarraf ukoll li bħala linja gwida ġenerali, min jieħu l-ewwel doża, it-tieni doża jew il-booster tal-COVID-19 irid iħalli 7 ijiem qabel jersaq biex jagħti d-demm. F’każ li fl-ewwel 48 siegħa wara t-tilqima wieħed ma jkollux deni jew sintomi ta’mard, dan jista’ jitħalla jagħti skont id-diskrezzjoni tat-tobba tas-Servizz. Dan jgħodd ukoll għal min jieħu t-tilqima tal-influwenza staġjonali.
//= $special ?>