Lokali Qorti

Kannabis, kokaina u aktar minn €200,000 instabu f’garaxx ta’ Taljan

Il-Qorti ċaħdet it-tieni rikors ta’ libertà proviżorja li tressqet f’isem Gennaro Russo, żagħżugħ Taljan ta’ 29 sena akkużat bi traffikar ta’ droga wara li nstabu ammonti kbar ta’ kokaina u kannabis f’diversi proprjetajiet marbuta miegħu. Russo kien tressaq il-Qorti fis-17 ta’ Diċembru, wara li l-pulizija kienu arrestawh f’ħanut fin-Naxxar.

Waqt li kien qed jixhed dwar l-arrest, uffiċjal tal-pulizija mill-Iskwadra tad-Droga li kien għen fl-operazzjoni, qal lill-maġistrat Natasha Galea Sciberras li fil-ħin tal-arrest, ir-raġel kien kien liebes ‘manbag’, li fih kien hemm sustanzi suspettati li huma kokaina u kannabis, flimkien maċ-ċwievet, flus kontanti u żewġ mobiles.

Imbagħad il-Pulizija kienet eskortat lill-akkużat f’garaxx f’San Pawl il-Baħar li fetħu bl-użu taċ-ċwievet li nstabu fuq il-persuna ta’ Russo. Ġewwa l-garaxx, sabu boroż kbar ta’ dak li dehru li kienu ħaxix tal-kannabis u raża tal-kannabis, kif ukoll blokka ta’ sustanza bajda li ssuspettaw li hija kokaina.

Instabu wkoll imwieżen u numru kbir ta’ basktijiet vojta. “Kien hemm traċċi ta’ droga madwar il-garaxx,” qal l-uffiċjal. Tfittxija sussegwenti fir-residenza tal-akkużat skopriet aktar ħaxix tal-cannabis fil-kċina u flus kontanti moħbija fil-gwardarobba tiegħu.

Fis-16 ta’ Diċembru, il-pulizija kienet eskortat lill-akkużat f’garaxx fl-Imsida, li nfetaħ ukoll permezz taċ-ċwievet tiegħu. Ġewwa, sabu tliet boroż kbar, tal-istess tip ta’ dawk misjuba f’San Pawl il-Baħar, li kien fihom il-kannabis u raża tal-cannabis.

Xehdet ukoll kuntistabbli mara mill-iskwadra tad-Droga, li spjegat kif hi u uffiċjal ieħor tal-pulizija kienu ħadu lil Russo għal swab test, meta rċeviet telefonata mingħand l-ispettur tal-pulizija Justine Grech dwar il-garaxx f’San Pawl il-Baħar.

Wara li tlesta, il-pulizija mara kienet eskorta lill-akkużat sal-garaxx, fejn qalet li nstabu flus kontanti, droga u munizzjon. L-ebda armi ma kienu rkuprati mill-post, hija qalet, għalkemm meta Russo tressaq il-qorti kienet qalet li nstabet ukoll arma tan-nar.

Fil-garaxx ta’ San Pawl il-Baħar instabu ‘l fuq minn €200,000 fi flus kontanti, f’qatet ta’ €5,000, żiedet tgħid ix-xhud. Xehed ukoll is-sid tal-garaxx tal-Gżira, Natal Azzopardi li qal li l-aħħar kien krih lil Gennaro Russo tal-Qawra, għal sena, għal €840. Il-ftehim tal-kiri jiskadi f’Awwissu tas-sena d-dieħla, huwa qal.

Il-kera tħallset fi flus kontanti, sena bil-quddiem, qal Azzopardi, li żied li ma sar l-ebda kuntratt bil-miktub. Huwa esebixxa kopja tal-irċevuta li kien ħareġ lil Russo. Aktar kmieni fis-seduta, espert maħtur mill-qorti mqabbad biex jagħmel testijiet kimiċi fuq is-sustanzi maqbuda ta rendikont tas-sejbiet preliminari tiegħu.

Huwa kien inħatar mill-maġistrat inkwirenti fis-16 ta’ Diċembru biex jeżamina 22 borża ta’ provi, li fihom diversi sustanzi u oġġetti, huwa qal. L-analiżi li wettaq fuq il-kontenut stabbilixxiet li kien hemm 41 pakkett ta’ raża tal-kannabis, b’kollox tiżen 3.9kg, 41 kontenitur ta’ ħaxix tal-kannabis li jiżnu madwar 10kg, flimkien ma’ madwar kilogramma kokaina.

Qal ukoll imwieżen u ammont kbir ta’ boroż vojta, li fuqhom instabu wkoll traċċi tad-droga. Wara li semgħet lix-xhieda, il-qorti kompliet tisma’ s-sottomissjonijiet dwar rikors għall-libertà proviżorja li tressqet aktar kmieni mid-difiża. L-Ispettur Grech oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest, u spjegat li kien għad hemm xhieda ċivili li għad iridu jixhdu.

L-avukat difensur Franco Debono sostna li l-akkużat għandu sieħba, tfal u ġenituri f’Malta, kif ukoll rabtiet qawwija mal-komunità. “Din il-qorti ffissat data biex nisimgħu lix-xhieda, u ġejna hawn bejn il-Milied u l-Ewwel tas-Sena biex nisimgħuhom.

“Anke jekk hemm aktar xhieda, setgħu xehdu fl-inkjesta jew tressqu l-Erbgħa stess. L-akkużat kien tressaq fis-17 ta’ Diċembru u għalhekk kien hemm żmien biżżejjed biex jinstemgħu lix-xhieda,” sostna l-avukat waqt li qal li l-pulizija tilfet opportunitajiet biex tagħmel dan.

Iżda l-Ispettur Grech irrimarkat ukoll li kien hemm żewġ xhieda “sensittivi” għad iridu jixhdu dwar il-garaxxijiet. Minbarra dan, qalet, l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin u kien hemm suspettati oħra li għadhom fuq police bail.

Debono tenna l-argumenti tiegħu. “12-il jum wara t-tressaq, il-pulizija ma ħarrkux ix-xhieda tagħhom,” sostna l-avukat. “Id-data tas-seduta kienet magħrufa għal diversi jiem, ġimgħa prattikament. Ma kienx żmien biżżejjed biex insejħuhom? Kien hemm raġuni valida?

Għandi persuna arrestata, xhieda li ma rawx x’ġara u li jistgħu jagħtu xi prova suffiċċjenti u qed iżommuh hemmhekk.” Il-Maġistrat Galea Sciberras, wara li rat l-applikazzjoni għal pleġġ, ir-risposta tal-Avukat Ġenerali u l-liġi ma qablitx. Hija ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fid-dawl tan-natura serja tal-akkużi kontrih, kif ukoll il-fatt li l-proċeduri kienu fi stadju bikri ħafna, minbarra l-investigazzjonijiet li kienu għaddejjin.

Peress li ċaħdet il-ħelsien mill-arrest, il-Qorti qalet li mhix sodisfatta li l-akkużat jista’ jagħti l-garanziji meħtieġa u li hemm riskju li jbagħbas l-evidenza. Fi tmiem is-seduta, il-maġistrat iddikjara li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex tinħareġ att ta’ akkuża kontra Russo. Il-każ ikompli fi Frar.