L-attivisti favur id-demokrazija u l-espressjoni tal-opinjonijiet ħielsa huma mgħaddbin ħafna għad-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Russa biex tagħlaq l-aktar grupp antik (fir-Russja) li ilu jaħdem favur id-drittijiet umani.
Il-grupp — International Memorial – kien ilu jistinka biex ikunu mfakkra l-miljuni tan-nies innoċenti li spiċċaw maqtula jew persegwitati waqt l-era tal-Unjoni Sovjetika komunista.
L-istess grupp – li ħadem ukoll ‘lejn ir-rispett dovut lill-mijiet tal-eluf ta’ priġunieri politiċi tas-Sovjetiċi – issa, effettivament spiċċa ‘likwidat’ talli naqas milli jimmarka numru ta’ messaġġi fuq il-media soċjali bl-istatus uffiċjali tiegħu bħala ‘aġent barrani ( f’għajnejn il-Gvern Russu)’.
International Memorial kien ‘ikkonfermat bħala aġent barrani’ fl-2016 wara li kien irċieva l-fondi minn barra.
Sadanittant, il-prosekuturi fil-qorti fissru lill-grupp inkwistjoni bħala ‘theddida kbira għall-pubbliku’. Dan fost akkużi oħra fis-sens li International Memorial ‘kien qed jitħallas mill-Punent biex jikkonċentra fuq ir-reati li saru waqt l-era tas-Sovjetiċi minflok jirrikonoxxi l-glorja tal-passat ( relatata għall-eks Unjoni Sovjetika).’
International Memorial, li twaqqaf fl-1989, kien sar simbolu ta’ pajjiż ( ir-Russja) li, dak iż-żmien, beda jidher aktar dispost lejn it-trasparenza u kuntatti eqreb mad-dinja. Dan ukoll waqt li l-awtoritajiet f’Moska kienu qed jeżaminaw l-aktar kapitli suwed fl-istorja riċenti ta’ pajjiżhom.
Intant, il-passi lejn ix-xoljiment ta’ dan il-grupp jindikaw kemm ir-Russja – taħt it-tmexxija tal-President Vladimir Putin – qed tinsisti bil-politika tal-intolleranza. Fl-istess ħin, Putin qed jiċħad għal kull forma ta’ kritika — anki l-kritika dwar il-passat Sovjetiku — bħala ‘att ostili’.
Madankollu r-rabja – fost l-attivisti Russi u l-Punent – kienet kbira wara li l-Qorti Suprema Russa kkonfermat il-verdett fir-rigward tal-grupp u bid-digriet jenfasizza l-arja ta’ ripressjoni li teżisti llum fir-Russja.
Fil-preżent, fir-Russja, hemm il-mijiet ta’ priġunieri politiċi u meta aktar entitajiet tal-media, illum, għandhom isimhom fuq il-‘lista s-sewda’ ta’ Moska bħala ‘aġenti tal-barranin’.
30 lines
//= $special ?>