Kienu ħafna studenti Universitraji u anki dawk li jattendu l-MCAST li kitbu fuq il-midja soċjali dwar is-sitwazzjoni kurrenti f’pajjiżna u kif l-istituzzjonijiet edukattivi li jattendi fihom ħallew fis-seħħ id-deċizzjoni li l-eżamijiet isiru fuq il-karta u fil-klassijiet u mhux online.
Student partikolari qal li l-każijiet issa komplew jiżdiedu l-Università żammet id-deċizzjoni li l-eżamijiet isiru fi kmamar bi ftit li xejn ventilazzjoni.

Persuna oħra kitbet li mhux ġusta li l-istudenti jibqgħu fl-inċertezza, bl-istress fuq l-istudenti kull ma jmur jiżdied… huwa appella biex l-istudenti jkunu mgħejuna u mhux imxekkla.

Wieħed qal li hu jinsab inkwetat bis-sitwazzjoni u jixtieq li mhux biss l-eżamijiet ikunu online, imma anki l-lezzjonijiet. Huwa qal li l-ammont ta’ każijiet li qed naraw f’pajjiżna huwa tal-biża’ u jeħtieġ li tittieħed deċizzjoni.

Oħrajn appellaw għall-kawtela u biex jirrenja s-sens komun, fejn qalu kif f’Jannar tas-sena li għaddiet il-każijiet kienu anqas u l-eżamijiet saru online, u dis-sena hawn aktar każijiet, u l-eżamijiet se jsiru fuq il-karta.

Fl-aħħar sigħat il-KSU, saħaq li b’numru kbir ta’ studenti li bħalissa jinsabu fi kwarantina obbligatorja, u biż-żieda konsistenti fil-każijiet, bla dubju din il-kwistjoni se tibqa’ tippersisti fil-perjodu tal-eżami. Huma qalu li għadhom bla tweġiba dwar kif se jsiru l-eżamijiet.
Kienu għadd ta’ għaqdiet li fl-aħħar sigħat ukoll esprimew it-tħassib tagħhom dwar din is-sitwazzjoni, b’appell biex dawk li jieħdu ħsieb, jimxu b’kawtela, b’interess lejn saħħet l-għalliema u saħħet l-istudenti.