Lokali

Miriam Dalli twieġeb ftit li xejn

Mistoqsija, wara mistoqsija, wara mistoqsija… kollha kemm huma naqset milli tweġibhom jew daret mal-lewża.

Kienet din is-sitwazzjoni li sabu ma’ wiċċhom numru ta’ ġurnalisti minn diversi kmamar tal-aħbarijiet waqt konferenza tal-ahbarjiet li saret mill-Ministru tal-Enerġija, Miriam Dalli.

Konferenza li fiha tħabbar li se jkunu qed jestendu l-Wage Supplement sal-aħħar ta’ Jannar… minkejja li numru ta’ appelli anki mill-PN u minn għadd t’entitajiet li talbu biex dan ikun estiż sa Marzu. Infatti dwar dan il-Federazzjoni tal-Iskejjel tal-Ingliż f’Malta saħqet li jekk is-suppliment mhux se jkun estiż sar-Rebbiegħa, dawn mhux se jirnexxilhom jissalvagwardjaw l-iskejjel tagħhom.

Bil-Ministru dan tikkonfermah billi tgħid li “n-negozji qed joperaw f’ambjent differenti minn kif kienu jafu qabel il-pandemija”… iżda fl-istess waqt ma tagħmel xejn dwaru.

Net News staqsa numru ta’ domandi lill-Ministru Dalli, b’domanda partikolari kienet dwar in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-korpi kostitwiti f’pajjiżna, iżda dak li qalu magħna fl-aħħar jiem l-MEA…. fejn qalu li konsultazzjoni magħhom, ma saritx… skomda twieġeb… il-Ministru Dalli gidbet din l-istqarrija.

“Aħna nilqgħu kull talba għad-diskussjoni man-negozji,” qalet il-Ministru Dalli ripetutament.

Dwar it-talba għal pjan konkret dwar it-turiżmu, talba li saret mill-MHRA, il-Ministru kompletament injorat il-mistoqsija… minkejja li pajjiżna spiċċa meqjus mill-Istati Uniti bħala wieħed mill-iktar pajjiżi f’riskju għoli ħafna biex tivvjaġġa lejh.

Mistoqsija wkoll dwar kemm il-negozju u ħaddiema qed ikunu affetwati mill-pandemija, il-Ministru Miriam Dalli, għal darb’oħra reġgħet ħarbet milli twieġeb, billi ma tagħmel l-ebda referenza għal din id-domanda.

Intant dwar id-domanda tagħna għas-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, minflok tat tweġiba jekk il-Gvern hux se jkun qed irodd lura dawn il-flus misruqa… il-Ministru Dalli nfexxet f’attakk kontra il-Partit Nazzjonalista.