Numru ta’ ambulanzi kif ukoll Pulizija issejħu fil-Qawra tard bil-lejl wara inċident ikrah li seħħ fi Triq it-Trunċiera, biswit l-Akkwarju Nazzjonali.
Kien is-sit NetNews.com.mt illi kkonferma li f’ dan l-inċident intlaqat it-tabib Victor Calvagna, li għandu 63 sena u huwa mill-Mosta. Hu ttieħed b’urġenza l-isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza, u qed jingħata l-assistenza minn tim mediku.
Aktar tard, stqarrija tal-Pulizija kkonfermat li hu ġarrab feriti serji, u jinsab rikoverat l-ITU f’qagħda kritika.
Jidher li Calvagna ittajjar meta hu kien għaddej bl-eżerċizzju fiżiku tiegħu f’din iz-zona.
Il-karozza involuta f’dan l-inċident hi tal-għamla Mazda, li spiċċat bil-windscreen imkisser.
Il-vettura kienet misjuqa minn raġel ta’ 31 sena minn San Pawl il-Baħar.

It-triq ewlenija li twassal lejn iċ-ċentru tal-Qawra għamlet ħin twil magħluqa.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Marsenne Farrugia.
Calvagna (ritratt) li huwa tabib fl-Isptar Mater Dei, huwa wkoll fundatur u ċ-Chairman tal-Fondazzjoni Puttinu Cares.
