Coronavirus Internazzjonali

Rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid fi Franza, l-Italja u l-Istati Uniti

(Ritratt: EPA)

Ma taqta’ xejn il-firxa qawwija tal-varjant Omicron, hekk kif il-każi ta’ Covid-19 madwar id-dinja qed ikomplu jiżdiedu.

Fl-aħħar sigħat, diversi pajjiżi Ewropej fosthom Franza u l-Italja rrappurtaw rekord ta’ każi ġodda. L-istess ġara fl-aħħar sigħat f’pajjiżna.

Fil-bidu tal-ġimgħa nstabu man-nofs miljun każ pożittiv fl-Istati Uniti. Bl-awtoritajiet Amerikani jgħidu li dan in-numru kbir hu dovut għall-fatt li matul il-perijodu ta’ wara l-Milied kien hemm dewmien fl-iproċessar tat-testijiet.

Skont id-WHO, in-numri tal-Covid żdiedu b’57% fl-Ewropa matul il-ġimgħa li għaddiet, u bi 30% fir-reġjun Amerikan.

Fl-Italja l-għola awtoritajiet tas-saħħa ltaqgħu sabiex possibbilment jirrevedu l-massimu tal-kwarantina għal min ikun sempliċiment f’kuntatt ma’ xi ħadd pożittiv iżda hu jkun negattiv.

L-istess appelli ssoktaw fir-Renju Unit, dan sabiex ikunu mħarsa l-ħaddiema tas-saħħa, għaliex ma jifilħux għal aktar piż. Intqal li fl-aħħar jiem ħafna tfal iddaħħlu l-isptar bil-Covid, bil-piż fuq is-settur tas-saħħa kompla jiżdied.

Sa issa fir-Renju Unit dawk li jkunu pożittivi għall-Covid jistgħu jitilqu mis-self-isolation wara 7 t’ijiem jekk ikunu ġew negattivi għat-test tal-Covid darbtejn.

Intant fir-Renju Unit ukoll intqal li bħalissa hemm nuqqas fil-produzzjoni tal-iswab tests wara li d-domanda fl-aħħar jiem żdiedet ħafna.

Fi Spanja mill-ġdid kien hemm rekord ta’ każijiet, b’nuqqas anki fit-testing kits għall-pubbliku. Fl-Awstralja komplew jiżdiedu l-każijiet, bil-Gvern itenni li jeħtieġ li jkun hemm bidla fil-mod kif wieħed jaffaċċja l-Covid dan hekk kif is-settur ta’ saħħa ma jiflaħx għal aktar.