Lokali

ANALIŻI: Is-sena 2021 kienet qisha serje televiżiva li m’għandhiex tmiem

Is-sena ta' Squid Game, is-suċċess Taljan fl-isport, il-kontroversji marbuta mal-grupp Maneskin u r-rebħ tal-kampjonat lokali tal-futbol minn Ħamrun Spartans

Fi tmiem il-ġimgħa nibdew sena ġdida, u nsellmu lis-sena 2021 – sena li kienet prattikament kontinwità tat-12-il xahar ta’ qabel, fejn il-pandemija baqgħet tiddomina l-ħajja tagħna ta’ kuljum.

Meta bdejna l-2021 kienu qalulna li l-vaċċin se jsolvi kollox. Il-Prim Ministru kien wiegħed li fi ftit xhur konna se niġu għan-normalità. U l-Ministru tas-Saħħa deher jippoża f’kull ċans li kellu mal-provvisti tat-tilqim li kienet qed tibgħatilna l-Unjoni Ewropea.

Iżda m’għaddewx wisq ġranet mill-bidu tas-sena sakemm laqtitna r-realtà, li kienet għal kollox differenti mid-diskors ta’ dawn il-politiċi.

Il-pandemija mhux talli baqgħet fostna, talli kompliet tħalli ferm aktar vittmi. Il-Covid inbidel, rajna varjanti ġodda, u diversi pajjiżi daħħlu restrizzjonijiet biex jilqgħu għal mewġa ġdida ta’ din l-imxija. Konna litteralment qisna qed ngħixu serje televiżiva li ma kellhiex tmiem – pandemija li baqgħet tiddomina tul is-sena kollha, u li kompliet tiggrava f’dawn l-aħħar xahrejn meta tfaċċa l-varjant Omicron.

U proprju minħabba l-pandemija, is-sena 2021 kienet is-sena li fiha diversi persuni esperjenzaw il-kwaratina obbligatorja jew l-iżolament fid-djar tagħhom. Dan fih innifsu wassal biex tħarbtu diversi negozji u anke s-settur tal-ivjaġġar.

Fil-kwaratina, ħafna sabu ruħhom iduru għas-serje televiżivi biex jgħaddu ż-żmien – u fost l-aktar segwiti kien hemm is-serje ‘Squid Game’ li bla dubju tista’ titqies bħala l-fenomenu ta’ din is-sena f’kull sens; serje li esponiet il-lat ikrah tal-bniedem li joħroġ fil-logħob li l-parteiċpanti jkunu qed jieħdu sehem fihom. Kien proprju minħabba dan l-element ta’ dmija u mewt li ċerti professjonisti rrimarkaw kif din is-serje jaf tħalli effetti mhux daqstant sbieħ fuq min jaraha – u hawn nibtet kontroversja ġdida (anke fuq sempliċi serje televiżiva).

Is-serje Squid Game

Il-logħba politika u aktar skandli

Semmejna l-logħob li kien parti integrali mis-serje ‘Squid Game’. Iżda f’pajjiżna kellna logħba oħra li serqet ix-xena f’dawn l-aħħar 12-il xahar; il-logħba tal-‘musical chairs’.

Dan huwa propju dak li seħħ fil-Parlament tagħna – min ġej u min sejjer – nies jinbidlu, u siġġijiet jimtlew qisu xejn mhu xejn. Anke f’dan il-każ, qisek qed tara film li m’għandux tmiem. U kuljum b’xi aħbar ġdida.

Mill-Kabinett ta’ Robert Abela kellna r-riżenji ta’ Justyne Caruana u Rosianne Cutajar. Irriżenja wkoll id-deputat Silvio Grixti li telaq mill-Parlament. Fil-bidu tas-sena, Oliver Scicluna ġie co-opted fil-Parlament. U f’Lulju ħa siġġu fil-Parlament id-deputat Jonathan Attard, li ħa post Manwel Mallia. Attard daħal b’co-option.

F’dan l-istess perjodu, rajna fatti ġodda li komplew jikxfu kemm kienu kbar l-iskandli tal-bejgħ tal-isptarijiet u tal-Electrogas – b’dan tal-aħħar għadu taħt l-iskrutinju tal-PAC, fejn għadu jrid jidher mill-ġdid id-deputat Konrad Mizzi.

L-arrest ta’ Keith Schembri u l-greylisting

Ma tistax issemmi l-Konrad Mizzi u ma ssemmix lil Keith Schembri. Fil-fatt, matul din is-sena, l-eks Chief of Staff ta’ Muscat ġie arrestat u tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn b’korruzzjoni, ħasil ​​tal-flus, li assoċja ruħu ma’ nies f’Malta jew barra l-pajjiż bil-għan li jikkommetti reat, li ħoloq dokumenti foloz, u li ta xhieda falza.

Kienet ukoll is-sena li fiha pajjiżna ġie greylisted mill-FATF, bi stejjer bħal dawn ta’ Schembri u Mizzi żgur ma kinux ta’ għajnuna għar-reputazzjoni ta’ Malta mal-istituzzjonijiet barranin.

U filwaqt li kien għaddej dan kollu, mat-Times Joseph Muscat stqarr li mhux se jiddejjaq jirritorna fil-politika.

Sena li fiha ħallewna diversi personalitajiet

Matul it-tnax-il xahar li għaddew sellimna lil diversi persuni li kienu ikoni f’pajjiżna fl-oqsma rispettivi li ħadmu fihom tul ħajjithom, kif ukoll personaġġi internazzjonali li b’xi mod jew ieħor immarkaw l-istorja.

Fost il-personalitajiet li mietu fl-2021 insibu lill-imprenditur Anthony D’Amato, Vince Farrugia (eks GRTU), l-imprenditur Tony Bezzina, l-eks kowċ tal-futbol Edward Aquilina, il-Professur Edward de Bono, il-kantawtur Jon Lucas, Salvatore Mousu, Lino Farrugia Sacco, Ġorġ tal-Mużew, Enzo Gusman u l-Professur Albert Fenech. Dan fost lista twila ta’ individwi li sellimnilhom matul l-2021.

Ma’ dawn inżidu wkoll il-preżentatur popolari Larry King, lill-kaptan Sir Tom li matul il-pandemija seraq il-qlub ta’ bosta, kif ukoll il-Prinċep Philip illi miet f’April li għadda fl-età ta’ 99 sena.

U la qed nitkellmu dwar ix-xena internazzjonali ma nistgħux ma nsemmux is-summit COP26 illi poġġa l-kwistjoni tal-bidla fil-klima fuq nett tal-aġenda internazzjonali. Dan fl-istess perjodu li fih id-dinja kienet qed tesperjenza temp estrem – minn nirien u mewġa ta’ sħana fl-Artiku, għal maltempati u għargħar fl-eqqel tas-Sajf.

Ritratt: Joseph Galea

Anke pajjiżna kellu diversi jiem matul il-Ħarifa b’temp pjuttost estrem, riħ qawwi u xita ma taqta’ xejn li kkawżat ħafna ħsarat.

Minn stejjer tal-mistħija … għal ġrajjiet li jagħmlulna unur

L-istorja ta’ Lamin Jaiteh żgur li tibqa’ ittimbrata f’moħħ kulħadd; il-ħaddiem barrani li tħalla mitluq fuq bankina wara li waqa’ f’sit ta’ kostruzzjoni. Dan il-każ, li ġab kundanna assoluta, issa jinsab fil-Qorti.

Kundanna wkoll għall-aġir tal-eks Direttur tal-Ħabs Alex Dalli li taħt il-gwida tiegħu kellna 14-il mewta fil-ħabs. Dalli spiċċa irriżenja, għalkemm ingħata job ieħor mill-Gvern. U sadattant, hu qed jiġġieled lill-media fil-Qrati b’numru ta’ libelli li fetaħ.

B’kuntrast ma’ dawn l-istejjer kellna żewġ ġrajjiet li kienu tassew ta’ ispirazzjoni għall-poplu tagħna.

L-ewwel: is-suċċess ta’ Neil Agius illi kiser rekord dinji. Agius daħal fil-bajja tax-Xlendi f’Għawdex wara li kiser ir-rekord b’għawma ta’ 130km minn Linosa f’Lampedusa sa Malta. Ir-rekord ta’ Agius se jittniżżel bħala l-itwal għawma mingħajr l-ebda assistenza li qatt saret.

It-tieni suċċess: il-vot qawwi li kisbet Roberta Metsola mill-PPE.

B’din il-votazzjoni, Roberta Metsola għamlet pass storiku għal pajjiżna hekk kif ġiet eletta bħala kandidat għall-President tal-Parlament Ewropew. Hija rebħet b’112-il vot minn 174 – jiġifieri aktar minn 64%.

Sena ta’ sports u mużika

L-2021 se tibqa’ mfakkra għal diversi avvenimenti sportivi u mużikali. Kif ukoll għat-trends il-ġodda li bdew jinbtu fuq il-pjattaforma soċjali TikTok.

Kellna l-Eurovision illi intrebaħ mill-Maneskin. Bil-kantanta Maltija Destiny toffri prestazzjoni mill-aqwa.

Ftit wara, l-Euro2020 illi fih doqna ftit min-normalità li konna mdorrijin biha. F’din il-kompetizzjoni trijonfaw it-Taljani…kif fuq kollox għamlu fi kważi kull avveniment sportiv fl-aħħar 12-il xahar. Fosthom fit-tellieqa tant mistennija tal-100m li saret fl-Olimpjadi, fejn rebaħ it-Taljan Marcell Jacobs.

U fuq livell lokali, rajna lit-tim ta’ Ħamrun Spartans illi wara 30 sena rebħu l-kampjonat domestiku tal-futbol.

Kitba u analiżi minn Robert Cremona

  • Nhar it-Tnejn li ġej, il-programm NETLIVE se jkun qed iwassal servizzi dettaljati mill-ġurnalisti tal-Kamra tal-Aħbarijiet li jagħtu ħarsa lejn l-avvenimenti ewlenin tas-sena 2021. Il-programm jixxandar fuq Net TV u jibda fis-6:10pm.